4.5.2015
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 146/24
Appell ippreżentat fl-24 ta’ Frar 2015 minn Riva Fire SpA, fi stralċ, mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (It-Tieni Awla) fid-9 ta’ Diċembru 2014 fil-Kawża T-83/10, Riva Fire vs Il-Kummissjoni
(Kawża C-89/15 P)
(2015/C 146/31)
Lingwa tal-kawża: it-Taljan
Partijiet
Appellanti: Riva Fire SpA, fi stralċ (rappreżentanti: M. Merola, M. Pappalardo, T. Ubaldi, M. Toniolo, avukati)
Parti oħra fil-proċedura: Il-Kummissjoni Ewropea
Talbiet tal-appellanti
—
prinċipalment, tannulla s-sentenza appellata, sa fejn il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li d-dritt tad-difiża tal-appellanti ma ġiex miksur u, konsegwentement, tannulla d-deċiżjoni kkontestata kollha kemm hi;
—
sussidjarjament, tannulla s-sentenza tal-Qorti Ġenerali biss sa fejn tiffissa t-tnaqqis tal-multa imposta fuq l-appellanti għal 3 % u, konsegwentement, billi tapplika l-ġurisdizzjoni sħiħa rikonoxxuta lill-Qorti tal-Ġustizzja permezz tal-Artikolu 31 tar-Regolament Nru 1/2003 (1), tnaqqas il-multa imposta fuq Riva Fire S.p.A., fi stralċ, bl-ogħla ammont li tqis raġonevoli jew tirrinvija l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali;
—
fi kwalunkwe każ, tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż, inklużi dawk relatati mal-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali;
—
b’mod inċidentali, tiddikjara li l-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali kisret it-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u l-Artikolu 6(1) tal-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (KEDB), sa fejn din kisret ir-regola dwar it-tul raġonevoli tal-proċedura.
Aggravji u argumenti prinċipali
Insostenn tal-appell tagħha, Riva Fire S.p.A., fi stralċ, tinvoka erba’ aggravji.
1.
L-ewwel aggravju: żball ta’ liġi, kif ukoll natura insuffiċjenti u kontradittorja tal-motivazzjoni tas-sentenza appellata, matul l-evalwazzjoni tal-ksur tar-regoli proċedurali previsti bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 773/2004 (2) u tad-drittijiet tad-difiża tal-appellanti
Il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta qieset li l-paraguni mwettqa minn Riva Fire S.p.A., fi stralċ, bejn id-deċiżjoni kkontestata u d-deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-2002 huma rrilevanti, u meta kkonkludiet lil-Kummissjoni ma kinitx obbligata tadotta dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet ġdida sabiex tippermetti lill-impriżi kkonċernati jikkummentaw dwar il-fatti kkontestati.
2.
It-tieni aggravju: żball ta’ liġi, kif ukoll natura insuffiċjenti u kontradittorja tal-motivazzjoni tas-sentenza appellata fir-rigward tal-kwantifikazzjoni tal-ammont finali tal-multa
Fid-determinazzjoni mill-ġdid tal-ammont tal-multa, il-Qorti Ġenerali eżerċitat il-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha b’mod ivvizzjat minn żewġ aspetti:
(i)
fl-ewwel lok, mill-motivazzjoni tas-sentenza appellata ma huwiex possibbli li wieħed jevalwa jekk, meta naqqsu l-ammont tal-multa bi 3 %, il-qrati ħadux debitament kont li l-ksur imputabbli lill-kumpannija kien kemm ta’ tul imnaqqas kif ukoll ta’ gravità inqas;
(ii)
fit-tieni lok, is-sentenza appellata hija kontradittorja u vvizzjata minn żbalji ta’ liġi sa fejn din testendi r-responsabbiltà tal-aġir imwettaq minn impriżi oħra matul il-perijodu ta’ bejn il-25 ta’ Novembru 1997 u t-30 ta’ Novembru 1998 għal Riva Fire S.p.A., fi stralċ, u b’mod impliċitu titfa’ din ir-responsabbiltà fuq il-kumpannija għall-finijiet tal-kwantifikazzjoni tal-multa.
3.
It-tielet aggravju: natura kontradittorja u żball ta’ liġi fil-parti tas-sentenza fejn il-Qorti Ġenerali kkwalifikat lil Riva bħala parteċipant fil-ftehim ta’ Diċembru 1998, u konsegwentement ħadet inkunsiderazzjoni din il-parti tal-ftehim għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-ammont tal-multa
Il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta qieset bħala ċerta l-parteċipazzjoni ta’ Riva Fire S.p.A., fi stralċ, fil-ftehim ta’ Diċembru 1998 dwar il-kwoti tal-bejgħ, mingħajr ma tat importanza lill-fatt li, fil-perijodu li matulu dan il-ftehim inħoloq, il-kumpannija kienet iddissoċjat ruħha mill-parti tal-akkordju responsabbli għal dak il-ftehim. Dan l-iżball ta’ liġi affettwa l-kwantifikazzjoni tal-ammont bażiku tal-multa, fuq il-pjan tad-determinazzjoni tal-gravità u tat-tul tal-ksur imputabbli lil Riva Fire S.p.A., fi stralċ.
4.
Ir-raba’ aggravju: nuqqas ta’ motivazzjoni dwar l-impatt tal-involviment tad-diretturi tal-kumpannija fuq iż-żieda tal-ammont inizjali tal-multa
Il-Qorti Ġenerali ma tispjegax fuq liema elementi hija tibbaża l-konklużjoni li l-involviment tad-diretturi ta’ Riva Fire S.p.A., fi stralċ, ma kkostitwixxiex element determinanti għall-finijiet taż-żieda tal-ammont bażiku tal-multa. Li kieku l-Qorti Ġenerali stabbilixxiet li l-koeffiċjent ta’ multiplikazzjoni applikat għall-ammont bażiku tal-multa imposta fuq Riva Fire S.p.A., fi stralċ, ġie kkalkolat anki skont l-involviment tad-diretturi tal-impriżi, hija kien ikollha tannulla d-deċiżjoni tal-Kummissjoni u konsegwentement tnaqqas l-ammont tal-multa.
(1) Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003, tas-16 Diċembru 2002, fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205).
(2) Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) numru 773/2004, tas-7 ta’ April 2004, dwar it-tmexxija ta’ proċeduri mill-Kummissjoni skond l-Artikolu 81 sa 82 tat-Trattat tal-KE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 3, p. 81).
Full & Egal Universal Law Academy