4.5.2015
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 146/26
Appell ippreżentat fl-24 ta’ Frar 2015 minn Hansen & Rosenthal KG u H & R Wax Company Vertrieb GmbH mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (It-Tielet Awla) fit-12 ta’ Diċembru 2014 fil-Kawża T-544/08, Hansen & Rosenthal KG u H & R Wax Company Vertrieb GmbH vs Il-Kummissjoni Ewropea
(Kawża C-90/15 P)
(2015/C 146/32)
Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż
Partijiet
Appellanti: Hansen & Rosenthal KG, H & R Wax Company Vertrieb GmbH (rappreżentanti: J. L. Schulte, M. Dallmann u K. M. Künstner, avukati)
Parti oħra fil-proċedura: Il-Kummissjoni Ewropea
Talbiet
—
tannulla, kompletament jew parzjalment, is-sentenza li l-Qorti Ġenerali tat fit-12 ta’ Diċembru 2014 fil-Kawża T-544/08, Hansen & Rosenthal KG u H & R Wax Company Vertrieb GmbH vs Il-Kummissjoni Ewropea;
—
tannulla, kompletament jew parzjalment, l-Artikolu 1 u l-Artikolu 2 tad-dispożittiv tad-deċiżjoni li l-Kummissjoni Ewropea tat fl-1 ta’ Ottubru 2008 fil-Każ COMP/39181 – Xema’ tax-xemgħa, sa fejn jikkonċernaw lill-appellanti;
—
tannulla jew tnaqqas il-multa konformement mal-Artikolu 261 TFUE;
—
tikkundanna lill-Kummissjoni tbati l-ispejjeż sostnuti mill-appellanti kemm fl-ewwel u kif ukoll fit-tieni istanza;
—
sussidjarjament, tannulla s-sentenza tal-Qorti Ġenerali u tibgħat il-kawża lura quddiemha sabiex din tiddeċiedi fuq il-bażi tal-evalwazzjoni ġuridika mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja; tannulla jew tnaqqas il-multa konformement mal-Artikolu 261 TFUE; tikkundanna lill-Kummissjoni tbati l-ispejjeż sostnuti mill-appellanti kemm fl-ewwel u kif ukoll fit-tieni istanza.
Aggravji u argumenti prinċipali
L-appellanti jibbażaw l-appell tagħhom fuq il-ħames aggravji li ġejjin:
L-ewwel aggravju huwa bbażat fuq ksur tal-preżunzjoni ta’ innoċenza u tal-prinċipju ta’ smigħ xieraq. B’dan l-aggravju, l-appellanti qegħdin jallegaw li l-Qorti Ġenerali kkunsidrat mill-ewwel li d-deċiżjoni tal-Kummissjoni kienet korretta u definittiva, b’tali mod li l-appellanti setgħu biss iwassluha sabiex tqis din id-deċiżjoni żbaljata biss billi jirribattu l-konstatazzjonijiet inklużi fiha bi provi li jmorru lil hinn mid-dubju raġonevoli. Skont l-appellanti, din l-attitudni hija inkompatibbli mal-Artikolu 48(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali (iktar ’il quddiem “KDF”) moqri flimkien mal-Artikolu 52(3) KDF u l-Artikolu 6(3) tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Dittijiet tal-Bniedem (iktar ’il quddiem “KEDB”), kif ukoll mal-Artikolu 47(2) KDF moqri flimkien mal-Artikolu 52(3) KDF u l-Artikolu 6(1) KEDB.
It-tieni aggravju huwa bbażat fuq applikazzjoni żbaljata tal-Artikolu 81 KEE (li sar l-Artikolu 101 TFUE). Il-Qorti Ġenerali kkunsidrat bħala aġir li jaqa’ taħt il-projbizzjoni ta’ akkordji li jirrestrinġu l-kompetizzjoni fatti li ma kellhomx l-elementi kostituttivi. Hija kkunsidrat ukoll, bi ksur tar-regoli dwar l-oneru tal-prova u tal-evalwazzjoni tal-mezzi tal-prova, li l-appellanti kienu responsabbli għall-ksur tal-Artikolu 81 KEE (li sar l-Artikolu 101 TFUE). Il-Qorti Ġenerali wettqet diversi żbalji ta’ liġi inkwantu għamlet konstatazzjonijiet li l-kontenut tagħhom huwa ineżatt, żnaturat provi, ikklassifikat ċerti provi bħala legalment ineffettivi, injorat il-preżunzjoni tal-innoċenza u kisret il-prinċipju ta’ smigħ xieraq.
It-tielet aggravju huwa bbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ nulla poena sine lege, fejn id-definizzjoni tal-piena hija l-prerogattiva tal-leġiżlatur. Id-dritt tal-Unjoni ma jinkludi ebda qafas li jippermetti li jsir kalkolu tal-multi f’każ ta’ ksur tal-Artikolu 81 KE (li sar l-Artikolu 101 TFUE) peress li kemm il-Qorti tal-Ġustizzja kif ukoll il-Qorti Ġenerali jikkunsidraw li l-limitu ta’ 10 % previst fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003 (1) huwa limitu assolut u mhux limitu indikattiv tal-multi. Issa, huwa biss il-leġiżlatur li għandu l-kompetenza li jistabbilixxi dan il-qafas fl-eżerċizzju tal-prerogattiva tiegħu fil-qasam tar-regoli essenzjali u l-Kummissjoni ma għandhiex il-kompetenza li tagħmel dan.
Ir-raba’ aggravju huwa bbażat fuq ksur ieħor tal-prinċipju ta’ nulla poena sine lege u tal-projbizzjoni ta’ effetti retroattivi. Skont l-appellanti, il-Qorti Ġenerali lanqas ma tista’ tiddetermina multa fl-assenza ta’ qafas mingħajr ma tkun wettqet żball ta’ liġi. Il-fatt li vverifikat biss jekk il-Kummissjoni osservatx il-linji gwida li din tal-aħħar ipprovdiet għaliha nfisha huwa nuqqas ta’ użu ta’ setgħa diskrezzjonali u għalhekk ksur tal-Artikolu 31 tar-Regolament Nru 1/2003. Finalment, l-appellanti jallegaw ksur tal-projbizzjoni ta’ effetti retroattivi peress li l-Qorti Ġenerali kkonfermat l-applikazzjoni tal-linji gwida fil-qasam tal-multi tal-2006 għal fatti li kienu diġà kompletament imwettqa fl-2005.
Il-ħames aggravju huwa bbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità. Minn naħa, il-Qorti Ġenerali kisret l-Artikolu 49(3) KDF sa fejn hija stabbilixxiet koeffiċjent ta’ 17 % għall-gravità tal-ksur u d-dritt tad-dħul tal-appellanti. Min-naħa l-oħra, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta kklassifikat l-aġir tal-appellanti bħala inkompatibbli mal-Artikolu 81(1) KEE [li sar l-Artikolu 101(1) TFUE]. Dan l-iżball ta’ liġi kellu l-konsegwenza li hija ddeduċiet ukoll b’mod żbaljat it-tul tal-allegat ksur ta’ din id-dispożizzjoni.
(1) Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003, tas-16 Diċembru 2002, fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat; ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205.
Full & Egal Universal Law Academy