27.4.2015
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 138/43
Appell ippreżentat fl-24 ta’ Frar 2015 minn H & R ChemPharm GmbH mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (It-Tielet Awla) fit-12 ta’ Diċembru 2014 fil-Kawża T-551/08, H & R ChemPharm GmbH vs Il-Kummissjoni Ewropea
(Kawża C-95/15 P)
(2015/C 138/57)
Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż
Partijiet
Appellanti: H & R ChemPharm GmbH (rappreżentanti: M. Klusmann u S. Thomas, avukati)
Parti oħra fil-proċedura: Il-Kummissjoni Ewropea
Talbiet tal-appellanti
—
tannulla s-sentenza tal-Qorti Ġenerali (It-Tielet Awla) tat-12 ta’ Diċembru 2014 fil-Kawża T-551/08 fl-intier tagħha, sa fejn din tikkonċerna lill-appellanti;
—
sussidjarjament, tnaqqas il-multa li tilħaq l-ammont ta’ EUR 22 miljun imposta fuq l-appellanti fl-Artikolu 2 tad-deċiżjoni tal-1 ta’ Ottubru 2008 għal ammont xieraq;
—
iktar sussidjarjament, tibgħat lura l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea għal deċiżjoni mill-ġdid;
—
tannulla l-kundanna għall-ispejjeż legali fl-ammont ta’ EUR 10 000 skont l-Artikolu 90(a) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali;
—
tikkundanna lill-appellata tbati l-ispejjeż tal-proċedura.
Aggravji u argumenti prinċipali
L-appell ġie ppreżentat kontra s-sentenza tal-Qorti Ġenerali (It-Tielet Awla) tat-12 ta’ Diċembru 2014 (Reġistrazzjoni Nru 651533) fil-Kawża T-551/08, H&R ChemPharm GmbH vs Il-Kummissjoni, li permezz tagħha l-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikors għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni Nru K(2008) 5476 finali, tal-1 ta’ Ottubru 2008 (Każ COMP/39181 – xema’ tax-xemgħa), sa fejn din kienet tikkonċerna lill-appellanti.
L-appellanti (u rikorrenti fl-ewwel istanza) tibbaża l-appell tagħha fuq l-aggravji li ġejjin:
1.
Permezz tal-ewwel aggravju tagħha, l-appellanti tallega inter alia ksur tal-Artikolu 81 KE [101 TFUE] minħabba raġunijiet kunfliġġenti u insuffiċjenti tas-sentenza fir-rigward tal-istruttura tal-impriża u tar-responsabbiltà tal-appellanti, li permezz tagħhom il-Qorti Ġenerali stabbilixxiet ksur mill-appellanti tal-Artikolu 81 KE. Il-kontradizzjoni sottostanti tinsab fil-fatt li l-Qorti Ġenerali qieset lill-appellanti u lill-impriża Tudapetrol, li ma hijiex marbuta magħha, bħala unità għall-finijiet tal-attribuzzjoni tal-ksur, iżda għall-finijiet tal-impożizzjoni tal-multa hija qisithom żewġ impriżi separati. Peress li fil-motivazzjoni tas-sentenza hija ma tiċċarax jekk l-appellanti u Tudapetrol jifformawx impriża waħda jew jekk dawn humiex żewġ impriżi, l-appellanti ssostni wkoll ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni (Artikolu 296 TFUE) u tad-drittijiet fundamentali tad-difiża tagħha.
2.
Permezz tat-tieni aggravju, l-appellanti ssostni żball ta’ liġi minħabba fl-inklużjoni tal-aġir ta’ impjegat li kien impjegat b’mod parallel ma’ diversi impriżi ġuridikament distinti. L-appellanti tikkontesta l-fatt li l-Qorti Ġenerali imputat lilha bl-aġir ta’ dan l-impjegat mingħajr ma aċċertat jekk l-impjegat wettaqx l-atti kkontestati wkoll finalment għall-benefiċċju tal-appellanti. F’dan ir-rigward, il-pożizzjoni legali tal-Qorti Ġenerali tmur kontra l-Artikolu 81 KE. Il-Qorti Ġenerali kisret ukoll il-prinċipju ta’ smigħ xieraq inkwantu ma ppermettietx lill-appellanti tipproduċi provi dwar id-dmirijiet attwali tal-impjegat għal raġunijiet li ma humiex legalment sostenibbli (ksur tal-Artikolu 6 KEDB).
3.
Permezz tat-tielet aggravju tagħha, l-appellanti ssostni żbalji sinjifikattivi fl-interpretazzjoni tal-Artikolu 23(3) tar-Regolament Nru 1/2003 (1) sa fejn il-multa hija bbażata fuq id-dħul mill-bejgħ. Dawn jikkonsistu fil-fatt li l-Qorti Ġenerali aċċettat li tinkludi tranżazzjonijiet ta’ impriża terza għall-kalkolu tal-multa, minkejja li huwa paċifiku li din l-impriża ma pparteċipatx f’dan il-ksur u ma tikkostitwixxix unità ekonomika mal-appellanti. Is-sentenza hija nieqsa wkoll minn kwalunkwe ġustifikazzjoni legali li fuq il-bażi tagħha ħadet inkunsiderazzjoni d-dħul mill-bejgħ ta’ terz minkejja n-nuqqas ta’ unità ekonomika. Għalhekk, il-kunsiderazzjonijet tal-Qorti Ġenerali ma kisrux biss l-Artikolu 23(3) tar-Regolament Nru 1/2003, iżda wkoll ir-rekwiżiti tal-ġurisprudenza ta’ motivazzjoni xierqa (Artikolu 296 TFUE).
4.
Permezz tar-raba’ aggravju qed jiġi sostnut li, għall-finijiet tal-kalkolu tal-multa, il-Qorti Ġenerali ħadet inkunsiderazzjoni dħul mill-bejgħ ta’ kumpanniji li ġew akkwistati biss fi tmiem il-perijodu li miegħu huwa marbut l-allegat ksur, u dan id-dħul mill-bejgħ ġie estrapolat mill-perijodu kollu tal-allegata parteċipazzjoni. Dan jikkontradiċi l-approċċ tal-Qorti Ġenerali fis-sentenza parallela fil-Kawża Esso (2). Fis-sentenza Esso l-istess qorti ddikjarat fl-istess kawża u fir-rigward tal-istess punt li l-approċċ korrispondenti tal-Kummissjoni jwassal għal żieda artifiċjali tad-dħul mill-bejgħ li fuqu huwa bbażat il-kalkolu tal-multa. Din l-inugwaljanza fit-trattament tikkostitwixxi ksur tal-Artikolu 23(3) tar-Regolament Nru 1/2003. Sa fejn il-Qorti Ġenerali ma ħaditx pożizzjoni fir-rigward tal-oġġezzjonijiet tal-appellanti, is-sentenza appellata hija vvizzjata wkoll minn nuqqas ta’ motivazzjoni (Artikolu 296 TFUE). Barra minn hekk, l-appellanti ssostni żball tal-Qorti Ġenerali fil-kalkolu tad-dħul mill-bejgħ li wassal għal kunsiderazzjoni doppja tat-tranżazzjonijiet ta’ bejgħ bi ksur tal-Artikolu 23(3) tar-Regolament Nru 1/2003.
5.
Permezz tal-ħames aggravju tagħha, l-appellanti ssostni diversi żbalji ta’ liġi fid-determinazzjoni tal-multa inkwantu, b’mod partikolari, ġiet imposta fuq l-appellanti multa sproporzjonata meta mqabbla mal-multi imposti fuq l-impriżi l-oħrajn li allegatament ipparteċipaw fi ksur (ksur tal-Artikolu 23(3) tar-Regolament Nru 1/2003). L-appellanti targumenta li l-Qorti Ġenerali ma ħaditx inkunsiderazzjoni d-differenzi fl-illeċità tal-parteċipazzjoni tal-appellanti meta mqabbla mal-parteċipazzjoni tal-impriżi l-oħra u għamlet evalwazzjoni sproporzjonata tad-daqs tal-impriża.
6.
Permezz tas-sitt aggravju, l-appellanti ssostni żbalji ta’ liġi fid-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali dwar l-ispejjeż fir-rigward tal-impożizzjoni ta’ spejjeż proċedurali tal-Qorti Ġenerali li ma ġewx speċifikament issostanzjati, li huma allegatament addizzjonali u kkawżati mill-appellanti (ksur tal-Artikolu 90(a) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali kif ukoll tal-Artikolu 6 tal-KEDB). Dawn l-ispejjeż ma jirriżultawx u l-appellanti ma nstemgħetx f’dan ir-rigward qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni dwar l-ispejjeż.
(1) Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003, tas-16 Diċembru 2002, fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205).
(2) T-540/08, EU:T:2014:630.
Full & Egal Universal Law Academy