27.4.2015
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 138/45
Appell ippreżentat fis-27 ta’ Frar 2015 minn Pilkington Group Ltd, Pilkington Automotive Ltd, Pilkington Automotive Deutschland GmbH, Pilkington Holding GmbH u Pilkington Italia SpA mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (It-Tieni Awla) fis-17 ta’ Diċembru 2014 fil-Kawża T-72/09, Pilkington Group Limited et vs Il-Kummissjoni
(Kawża C-101/15 P)
(2015/C 138/58)
Lingwa tal-kawża: l-Ingliż
Partijiet
Appellanti: Pilkington Group Ltd, Pilkington Automotive Ltd, Pilkington Automotive Deutschland GmbH, Pilkington Holding GmbH u Pilkington Italia SpA (rappreżentanti: S. Wisking u K. Fountoukakos-Kyriakakos, solicitors)
Parti oħra fil-proċedura: Il-Kummissjoni Ewropea
Talbiet tal-appellanti
—
tannulla parzjalment is-sentenza mogħtija fil-Kawża T-72/09, sa fejn din tiċħad ir-rikors ippreżentat kontra l-Artikolu 2(c) tad-deċiżjoni kkontestata;
—
tnaqqas il-multa imposta fuq l-appellanti fl-Artikolu 2(c) tad-deċiżjoni kkontestata;
—
tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż sostnuti mill-appellanti f’din il-proċedura.
Aggravji u argumenti prinċipali
L-appellanti jsostnu li s-sentenza appellata għandha tiġi annullata għall-motivi li ġejjin:
L-ewwel nett, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi fl-interpretazzjoni tagħha tal-punt 13 tal-Linji gwida tal-Kummissjoni għall-kalkolu tal-ammont tal-multi tal-2006 (1) meta qieset li, sabiex tiddetermina l-valur rilevanti tal-bejgħ, il-Kummissjoni kienet intitolata tieħu inkunsiderazzjoni bejgħ imwettaq skont kuntratti preċedenti għall-perijodu ta’ ksur u li ma ġewx innegozjati mill-ġdid matul il-perijodu ta’ ksur. Peress li dan il-bejgħ ma setax jiġi affettwat mill-ksur, ma kienx legalment korrett li jittieħed inkunsiderazzjoni sabiex jiġi ddeterminat l-ammont bażiku tal-multa.
It-tieni nett, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi fl-interpretazzjoni tagħha tal-Artikolu 23(2) tar-Regolament (KE) Nru 1/2003 (2) billi qieset li l-ammont finali tal-multa ma qabiżx il-livell statutorju ta’ 10 %. Ir-rata tal-kambju xierqa għall-kalkolu tal-livell ta’ 10 % ma hijiex ir-rata tal-kambju medja tal-BĊE applikabbli għas-sena finanzjarja ta’ qabel is-sena ta’ adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, iżda r-rata tal-kambju tal-BĊE li kienet applikabbli fil-jum tal-adozzjoni ta’ din id-deċiżjoni.
It-tielet nett, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta wettqet applikazzjoni żbaljata tar-regoli dwar l-ugwaljanza fit-trattament u dwar il-proporzjonalità, u billi naqset milli tagħmel użu mill-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha bl-intensità meħtieġa mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.
(1) Linji gwida għall-kalkolu tal-multi imposti skont l-Artikolu 23(2)(a) tar-Regolament (KE) Nru 1/2003 (ĠU 2006, C 210, p. 2).
(2) Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003, tas-16 ta’ Diċembru 2002, fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat (li saru l-Artikoli 101 u 102 TFUE) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205).
Full & Egal Universal Law Academy