26.5.2015
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 171/19
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Cour d’appel de Pau (Franza) fis-6 ta’ Marzu 2015 – Association des Utilisateurs et Distributeurs de l’AgroChimie Européenne (Audace), Phyteron 2000 SAS, Association des éleveurs solidaires, Cruzalebes EARL, Des deux rivières EARL, Mounacq EARL vs GAEC Reconnu La Vinardière, Ministère public
(Kawża C-114/15)
(2015/C 171/23)
Lingwa tal-kawża: il-Franċiż
Qorti tar-rinviju
Cour d’appel de Pau
Partijiet fil-kawża prinċipali
Rikorrenti: Association des Utilisateurs et Distributeurs de l’AgroChimie Européenne (Audace), Phyteron 2000 SAS, Association des éleveurs solidaires, Cruzalebes EARL, Des deux rivières EARL, Mounacq EARL
Konvenuti: GAEC Reconnu La Vinardière, Ministère public
Domandi preliminari
1)
Leġiżlazzjoni nazzjonali li tirriżerva l-aċċess għall-importazzjonijiet paralleli ta’ prodotti mediċinali veterinarji esklużivament għad-distributuri bl-ingrossa li jkollhom il-pussess tal-awtorizzazzjoni prevista fl-Artikolu 65 tad-Direttiva 2001/82/KE (1) u li għalhekk teskludi minn dan l-aċċess il-persuni intitolati għad-distribuzzjoni bl-imnut u l-persuni li jrabbu l-annimali, hija konformi mad-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 34 sa 36 TFUE?
2)
Id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 65 tad-Direttiva 2001/82/KE u tal-Artikolu 16 tad-Direttiva “Servizzi” 2006/123/KE (2) jimplikaw li Stat Membru huwa ġġustifikat li ma jirrikonoxxix l-awtorizzazzjonijiet ta’ distribuzzjoni bl-ingrossa ta’ prodotti mediċinali veterinarji maħruġin mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri l-oħra liċ-ċittadini tagħhom stess u li jeżiġi li dawn ikollhom il-pussess, barra minn hekk, tal-awtorizzazzjoni ta’ distribuzzjoni bl-ingrossa maħruġa mill-awtoritajiet kompetenti nazzjonali tiegħu stess sabiex ikollhom id-dritt li jitolbu u li jużaw awtorizzazzjonijiet għal importazzjonijiet paralleli ta’ prodotti mediċinali veterinarji f’dan l-Istat Membru?
3)
Leġiżlazzjoni nazzjonali li tassimila l-importaturi paralleli ta’ prodotti mediċinali veterinarji ma detenturi ta’ awtorizzazzjoni għall-operat li ma hijiex rikjesta mid-Direttiva 2001/82/KE kif emendata dwar il-kodiċi tal-Komunità rigward il-prodotti mediċinali veterinarji u li, konsegwentement, tissuġġettahom għall-obbligu li jkollhom stabbiliment fit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat u li jwettqu l-operazzjonijiet kollha ta’ farmakoviġilanza previsti fl-Artikoli 72 sa 79 tal-imsemmija direttiva hija konformi mal-Artikoli 34, 36, 56 TFUE u mal-Artikolu 16 tad-Direttiva “Servizzi” 2006/123/KE?
(1) Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2001/82/KE, tas-6 ta’ Novembru 2001, dwar il-kodiċi tal-Komunità rigward il-prodotti mediċinali veterinarji (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 27, p. 3).
(2) Direttiva 2006/123/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-12 ta’ Diċembru 2006, dwar is-servizzi fis-suq intern (ĠU L 376, p. 36).
Full & Egal Universal Law Academy