15.6.2015
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 198/19
Appell ippreżentat fis-16 ta’ Marzu 2015 minn Club Hotel Loutraki AE, Vivere Entertainment AE, Theros International Gaming, Inc., Elliniko Casino Kerkyras, Casino Rodos, Porto Carras AE u Kazino Aigaiou AE mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (Is-Seba’ Awla) fit-8 ta’ Jannar 2015 fil-Kawża T-58/13: Club Hotel Loutraki AE, Vivere Entertainment AE, Theros International Gaming, Inc., Elliniko Casino Kerkyras, Casino Rodos, Porto Carras AE u Kazino Aigaiou AE vs Il-Kummissjoni Ewropea
(Kawża C-131/15 P)
(2015/C 198/25)
Lingwa tal-kawża: l-Ingliż
Partijiet
Appellanti: Club Hotel Loutraki AE, Vivere Entertainment AE, Theros International Gaming, Inc., Elliniko Casino Kerkyras, Casino Rodos, Porto Carras AE u Kazino Aigaiou AE (rappreżentant: S. Pappas, avukat)
Partijiet oħra fil-proċedura: Il-Kummissjoni Ewropea, Ir-Repubblika Ellenika u Organismos Prognostikon Agonon Podosfairou AE (OPAP)
Talbiet
—
tannulla fl-intier tagħha s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tat-8 ta’ Jannar 2015 fil-Kawża T-58/13, Club Hotel Loutraki et vs Il-Kummissjoni;
—
tannulla “Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2012) 6777 finali tat-3 ta’ Ottubru 2012 dwar għajnuna mill-Istat SA.33988 (2011/N) – Greċja –Arranġamenti għall-estensjoni tad-dritt esklużiv tal-OPAP li topera 13 il-logħob tal-ażżard u l-għoti ta’ liċenzja esklużiva biex joperaw 35,000 Terminals tal-Lotterija Videjo għall-perjodu ta’ għaxar snin;
—
Tordna lill-konvenuti jħallsu l-ispejjeż
Aggravji u argumenti prinċipali
1.
L-appell huwa dirett kontra s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tat-8 ta’ Jannar 2015 Kawża T-58/13, Club Hotel Loutraki et vs Il-Kummissjoni, li ċaħdet il-motivi tal-appellanti għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2012) 6777 finali tat-3 ta’ Ottubru 2012 dwar għajnuna statali SA.33988 (2011/N) – Greċja – Arranġamenti għall-estensjoni tad-dritt esklużiv OPAP li topera 13 il-logħob tal-ażżard u l-għoti ta’ liċenzja esklużiva biex topera 35,000 Terminals tal-Lotterija Videjo għall-perjodu ta’ għaxar snin;
2.
F’din id-deċiżjoni l-Kummissjoni ma qajjmet l-ebda oġġezzjoni fir-rigward taż-żewġ miżuri notifikati favur l-OPAP: (a) l-għoti lill-OPAP ta’ liċenzja esklużiva biex topera 35,000 Terminals tal-Lotterija Videjo għall-perjodu ta’ għaxar snin li jintemm fl-2022; (b) il-prolongament ta’ għaxar snin, 2020-2030, tad-drittijiet esklużivi mogħtija diġà lill-OPAP għat-tħaddim ta’ 13 il-logħob tal-ażżard;
3.
Fl-appell tagħhom l-appellanti jqajjmu tliet motivi kontra s-sentenza appellata:
(a)
Ksur tal-Artikolu 108(3) TFUE u l-Artikoli 4(4), 7(2) u 13(1) tar-Regolament 659/1999 (1), peress li l-Qorti Ġenerali kkonkludiet fil-punti 33-64 tas-sentenza kkontestata li l-Kummissjoni ma kenitx obbligata li tibda proċedura ta’ investigazzjoni formali u, li hija temmet l-investigazzjoni tagħha matul il-proċedura preliminari.
(b)
Ksur tal-Artikolu 296 TFUE u l-Artikoli 41 u 47 tal-Karta, peress li l-Qorti Ġenerali kkonkludiet fil-punti 65-78 tas-sentenza kkontestata li d-deċiżjoni tal-Kummissjoni kienet motivata biżżejjed minkejja n-nuqqas ta’ data ekonomika li ma ppermettietx li tiġi determinata l-eżattezza tal-kalkoli magħmula mill-Kummissjoni.
(c)
Ksur tal-Artikolu 107(1) TFUE, peress li l-Qorti Ġenerali kkonkludiet li l-evalwazzjoni konġunta tal-miżuri notifikati mill-Kummissjoni kienet legali, minkejja n-nuqqas ta’ defenizzjoni tas-suq, u fid-dawl tal-applikazzjoni żbaljata tal-kunċett ta’ “similarità” u “kuntest ekonomiku”.
(1) Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/99 tat-22 ta’ Marzu 1999 li jistabilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 93 tat-Trattat tal-KE – ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti L 83, p. 1
Full & Egal Universal Law Academy