22.6.2015
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 205/13
Appell ippreżentat fid-19 ta’ Marzu 2015 mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea mid-digriet mogħti mill-Qorti Ġenerali (It-Tielet Awla) fit-13 ta’ Frar 2015 fil-Kawża T-725/14, Aalberts Industries vs L-Unjoni Ewropea
(Kawża C-132/15 P)
(2015/C 205/19)
Lingwa tal-kawża: l-Olandiż
Partijiet
Appellant: Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (rappreżentanti: A.V. Placco u E. Beysen [aġenti])
Partijiet oħra fil-proċedura: Aalberts Industries NV, il-Kummissjoni Ewropea
Talbiet
—
tannulla d-digriet tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea (It-Tielet Awla) mogħtija fit-13 ta’ Frar 2015 fil-Kawża T-725/14, Aalberts Industries vs L-Unjoni Ewropea, peress li dan jiċħad it-talbiet tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Qorti tal-Ġustizzja”) fil-konfront taż-żewġ talbiet tagħha magħmula taħt l-Artikolu 114 tar-Regoli tal-Proċedura u jilqa’ l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mressqa mill-Kummissjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Kummissjoni”);
—
tilqa’ ż-żewġ talbiet tagħha u konsegwentement, tiddeċiedi definittivament li r-rikors għad-danni ta’ Aalberts Industries NV huwa inammissibbli peress li huwa ppreżentat kontra l-Qorti tal-Ġustizzja (bħala rappreżentanti tal-Unjoni);
—
tikkundanna lil Aalberts Industries NV għall-ispejjeż tal-Qorti tal-Ġustizzja sostnuti fl-ewwel istanza u fl-appell.
Aggravji u argumenti prinċipali
Permezz ta’ digriet tat-13 ta’ Frar 2015, il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea ċaħdet it-talba magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja taħt l-Artikolu 114 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali fil-Kawża T-725/14, Aalberts Industries vs L-Unjoni Ewropea. It-talba ta’ din l-istituzzjoni kienet intiża sabiex ir-rikors ta’ Aalberts Industries NV ikun ikkunsidrat inammissibbli, peress li kien dirett kontriha bħala rappreżentant tal-Unjoni Ewropea, rikors li ġie wkoll dirett kontra l-Kummissjoni fl-istess kapaċità. F’dan ir-rikors, hija riedet tikkontesta r-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni sabiex jinkiseb kumpens għad-dannu li hija tallega li sofriet insegwitu għall-ksur mill-Qorti Ġenerali ta’ terminu raġonevoli fil-Kawża T-385/06, Aalberts Industries et vs Il-Kummissjoni. Billi l-Qorti Ġenerali ċaħdet il-motivi tal-Qorti tal-Ġustizzja u assumiet il-pożizzjoni meħuda mill-Kummissjoni, hija f’dan id-digriet kienet konvinta li hija l-Qorti tal-Ġustizzja u mhux il-Kummissjoni li għandha tiddefendi l-Unjoni Ewropea f’dan ir-rikors.
Il-Qorti tal-Ġustizzja qed tippreżenta appell quddiem i l-Qorti tal-Ġustizzja taħt l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, fejn titlob l-annullament ta’ dan id-digriet minħabba li ċaħdet it-talbiet tal-Qorti tal-Ġustizzja. Insostenn tal-appell, il-Qorti tal-Ġustizzja l-ewwel nett tinvoka aggravju bbażat fuq ksur tar-regoli ta’ rappreżentanza tal-Unjoni quddiem l-awtoritajiet ġudizzjarji tagħha u insegwitu tinvoka aggravju bbażat fuq il-ksur tal-obbligu li l-atti jiġu mmotivati.
Fl- ewwel aggravju bbażat fuq il-ksur tar-regoli ta’ rappreżentanza tal-Unjoni quddiem l-awtoritajiet ġudizzjarji tagħha , il-Qorti tal-Ġustizzja ssostni li, fl-assenza ta’ regola speċifika li tirregola r-rappreżentanza tal-Unjoni quddiem l-awtoritajiet ġudizzjarji tagħha fil-kuntest ta’ rikors ippreżentat taħt l-Artikolu 268 TFUE, intiż sabiex tiġi kkontestata r-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni, ir-regoli dwar din ir-rappreżentanza għandhom jirriżultaw mill-prinċipji ġenerali applikabbli għall-eżerċizzju tal-funzjoni ġudizzjarja, u b’mod partikolari tal-prinċipju ta’ aministrazzjoni tajba tal-ġustizzja u tal-prinċipji ta’ indipendenza u ta’ imparzjalità tal-qorti.
Dan l-ewwel aggravju tal-Qorti tal-Ġustizzja huwa maqsum f’żewġ partijiet, jiġifieri ksur tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja u ksur tal-prinċipji ta’ indipendenza u ta’ imparzjalità tal-qorti.
Fl-ewwel aggravju, il-Qorti tal-Ġustizzja tinnota li l-konklużjoni tal-Qorti Ġenerali li hija l-Qorti Ġenerali li tirrappreżenta lill-Unjoni fl-imsemmi rikors għad-danni huwa ovvjament bbażat fuq il-ġurisprudenza mibdija mis-sentenza tat-13 ta’ Novembru 1973, Werhahn Hansamühle et vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni (63/72 sa 69/72, EU:C:1973:121) (iktar ’il quddiem is-“sentenza Werhahn Hansamühle et”). Fis-soluzzjoni adottata minn din il-qorti, meta r-responsabbiltà tal-Komunità u issa, tal-Unjoni, hija magħmula bl-att ta’ waħda mill-istituzzjonijiet tagħha, hija rrappreżentata quddiem il-Qorti Ġenerali permezz tal-istituzzjoni jew tal-istituzzjonijiet li jkunu kkawżaw ir-responsabbiltà kkontestata. Il-Qorti tal-Ġustizzja indikat li din is-soluzzjoni ma setgħetx tiġi applikata għall-kawża preżenti minħabba f’diversi fatturi, għaliex din kienet toħloq sitwazzjoni li tidher li tmur kontra l-interessi ta’ amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja li, fil-kliem tas-sentenza Wehahn et, jiġġustifikaw din is-soluzzjoni. F’dan il-kuntest, il-Qorti tal-Ġustizzja tikkontesta wkoll b’mod inċidentali l-portata tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 317 TFUE u l-Artikolu 53(1) tar-Regolament Nru 966/2012 (1), li taħthom il-Qorti Ġenerali kellha tammetti li kumpens bħal dak li qed jintalab f’din il-kawża għandu jaqa’ taħt il-parti tal-baġit tal-Unjoni tal-Kummissjoni.
Fit-tieni parti tal-aggravju, il-Qorti tal-Ġustizzja ssostni, billi tinvoka s-sentenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-10 ta’ Lulju 2008, Mihalkov vs Il-Bulgarija (Applikazzjoni Nru 67719/01) li l-Qorti Ġenerali ma rrispettatx il-prinċipji ta’ indipendenza u ta’ imparzjalità tal-qorti meta ddeċidiet li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tirrappreżenta lill-Unjoni fil-rikors għad-danni ta’ Aalberts Industries. F’din il-kawża, l-ewwel nett, l-allegata responsabbiltà ġiet ikkawżata minn kulleġġ ġudikanti fl-eżerċizzju ta’ funzjonijiet ġudizzjarji u, it-tieni nett, il-kulleġġ ġudikanti li kellu jisma’ l-kawża i) jaqa’ taħt l-istess awtorità ġudizzjarja (il-Qorti Ġenerali) bħal dik tal-kulleġġ ġudikanti li kkawża r-responsabbiltà kkontestata u ii) jagħmel parti integrali mill-konvenuta f’din il-kawża (il-Qorti tal-Ġustizzja) li l-imħallfin ta’ dan il-kulleġġ għandhom rabta professjonali magħhom, għaldaqstant dawn il-prinċipji ġew ippreġudikati, l-iktar meta l-kumpens mitlub għandu jitħallas mill-baġit stess tal-Qorti tal-Ġustizzja, hekk kif deċiż mill-Qorti Ġenerali.
It- tieni aggravju tagħha li jikkontesta lid-digriet bi ksur tal-obbligu li l-atti jiġu mmotivati , peress li ma jiċħadx speċifikament l-argument li l-Qorti tal-Ġustizzja kienet żviluppat quddiem il-Qorti Ġenerali, huwa bbażat fuq sett ta’ sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja, fosthom b’mod partikolari s-sentenzi tas-26 ta’ Novembru 2013, Groupe Gascogne vs Il-Kummissjoni (C-58/12 P, EU:C:2013:770), Gascogne Sack Deutschland vs Il-Kummissjoni (C-40/12 P, EU:C:2013:768) u Kendrion vs Il-Kummissjoni, C-50/12 P, EU:C:2013:771.
(1) Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-25 ta’ Ottubru 2012, dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 (ĠU L 298, p. 1).
Full & Egal Universal Law Academy