8.6.2015
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 190/3
Appell ippreżentat fit-23 ta’ Marzu 2015 minn Teva Pharma BV u Teva Pharmaceuticals Europe BV mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (Is-Sitt Awla) fit-22 ta’ Jannar 2015 fil-Kawża T-140/12, Teva Pharma BV u Teva Pharmaceuticals Europe BV vs L-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini (EMA)
(Kawża C-138/15 P)
(2015/C 190/03)
Lingwa tal-kawża: l-Ingliż
Partijiet
Appellanti: Teva Pharma BV u Teva Pharmaceuticals Europe BV (rappreżentanti: G. Morgan, Solicitor, K. Bacon, Barrister u E.S. Mackenzie, Solicitor)
Partijiet oħra fil-proċedura: L-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini, Il-Kummissjoni Ewropea
Talbiet tal-appellanti
—
tannulla s-sentenza tal-Qorti Ġenerali;
—
tannulla d-deċiżjoni tal-EMA, li tinsab fl-ittra tagħha tal-24 ta’ Jannar 2012, li tirrifjuta li tivvalida l-applikazzjoni tal-appellanti għal awtorizzazzjoni ta’ tqegħid fis-suq;
—
tikkundannna lill-EMA għall-ispejjeż tal-appellanti.
Aggravji u argumenti prinċipali
Insostenn tal-appell, l-appellanti jippreżentaw aggravju wieħed, li huwa li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi fl-interpretazzjoni tagħha tal-Artikolu 8 tar-Regolament (KE) Nru 141/2000 (1). Tliet żbalji ta’ liġi distinti huma allegati. L-ewwel nett, huwa allegat li l-Qorti Ġenerali interpretat b’mod żbaljat l-Artikolu 8(3), moqri flimkien mal-Artikolu 8(1), peress li naqset milli tevalwa li t-tieni prodott orfni li jixxiebah awtorizzat skont deroga taħt l-Artikolu 8(3) ma jistax iwassal għall-għoti tal-esklużività tas-suq li hija prevista għall-ewwel prodott orfni taħt l-Artikolu 8(1).
It-tieni nett, hija wettqet żball meta kkonkludiet li l-interpretazzjoni tagħha tal-Artikolu 8 ma għandhiex l-effett li testendi s-suq esklużivament marbut mal-ewwel prodott.
It-tielet nett, il-Qorti Ġenerali iddeskriviet b’mod żbaljat u għalhekk naqset milli tindirizza b’mod xieraq il-każ alternattiv tal-appellanti fir-rigward tal-motiv għal annullament oriġinali, li kien li anki jekk bħala prinċipju t-tieni prodott kien jibbenefika mill-perijodu ta’ esklużività tas-suq tiegħu stess, dik l-esklużività ma għandhiex topera sabiex teskludi verżjoni ġenerika tal-ewwel prodott mis-suq.
L-appellanti jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja tagħti sentenza finali li tannulla d-deċiżjoni kkontestata.
(1) Regolament (KE) Nru 141/2000 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-16 ta’ Diċembru 1999, dwar il-prodotti mediċinali orfni.
Full & Egal Universal Law Academy