11.5.2015
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 155/18
Appell ippreżentat fl-24 ta’ Marzu 2015 mill-Kummissjoni Ewropea mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (It-Tielet Awla) fl-20 ta’ Jannar 2015 fil-Kawża T-109/12, Ir-Renju ta’ Spanja vs Il-Kummissjoni Ewropea
(Kawża C-139/15 P)
(2015/C 155/20)
Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol
Partijiet
Appellanti: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: D. Recchia u S. Pardo Quintillán, aġenti)
Parti oħra fil-proċedura: Ir-Renju ta’ Spanja
Talbiet
—
l-annullament tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-20 ta’ Jannar 2015 fil-Kawża T-109/12, Spanja vs Il-Kummissjoni;
—
li l-kawża tintbgħat lura quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex tagħti deċiżjoni fuq il-mertu;
—
tikkundanna lir-Renju ta’ Spanja għall-ispejjeż.
Aggravji u argumenti prinċipali
L-appell ippreżentat mill-Kummissjoni jirreferi għas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-20 ta’ Jannar 2015 fil-Kawża T-109/12. Permezz tas-sentenza tagħha, il-Qorti Ġenerali annullat id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2011) 9992, tat-22 ta’ Diċembru 2011, li permezz tagħha tnaqqset l-għajnuna tal-Fond ta’ Koeżjoni għal ċerti proġetti speċifiċi.
Il-Kummissjoni tinvoka żewġ aggravji insostenn tal-appell tagħha. Prinċipalment, il-Kummissjoni tqis li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi billi stabbilixxiet li l-Kummissjoni għandha tadotta d-deċiżjoni ta’ korrezzjoni finanzjarja f’terminu speċifiku, iddeterminat mill-att bażiku fis-seħħ fid-data li fiha tinżamm is-seduta bejn il-Kummissjoni u l-Istat Membru. Sussidjarjament, il-Kummissjoni tallega li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi billi stabbilixxiet li t-terminu impost fuq il-Kummissjoni sabiex tadotta d-deċiżjoni ta’ korrezzjoni finanzjarja huwa terminu imperattiv, li n-nuqqas ta’ osservanza tiegħu jikkostitwixxi ksur ta’ difett proċedurali sostanzjali li jinvalida d-deċiżjoni adottata barra mill-imsemmi terminu.
Full & Egal Universal Law Academy