8.6.2015
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 190/5
Appell ippreżentat fl-24 ta’ Marzu 2015 minn SolarWorld AG mid-digriet mogħti mill-Qorti Ġenerali (Il-Ħames Awla) fl-14 ta’ Jannar 2015 fil-Kawża T-507/13, SolarWorld AG et vs Il-Kummissjoni Ewropea
(Kawża C-142/15 P)
(2015/C 190/05)
Lingwa tal-kawża: l-Ingliż
Partijiet
Appellanti: SolarWorld AG (rappreżentanti: L. Ruessmann, avukat, J. Beck, Solicitor)
Partijiet oħra fil-proċedura: Il-Kummissjoni Ewropea,
Brandoni solare SpA,
Global Sun Ltd,
Silicio Solar, SAU,
Solaria Energia y Medio Ambiente, SA
Talbiet tal-appellanti
—
tiddikjara l-appell ammissibbli u fondat;
—
tannulla d-digriet tal-Qorti Ġenerali fil-Kawża T-507/13;
—
tiddikjara r-rikors għal annullament fil-Kawża T-507/13 ammissibbli; u
—
tirrinvija l-kawża lill-Qorti Ġenerali għal deċiżjoni fuq il-mertu tar-rikors għal annullament.
Aggravji u argumenti prinċipali
Insostenn tal-appell tagħha, l-appellanti ressqet l-argument li ġejjin:
Il-Qorti Ġenerali wettqet żball meta kkonstatat li l-appellanti ma hijiex direttament ikkonċernata mid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2013/423/UE (1) għaliex id-deċiżjoni ma taffettwax direttament is-sitwazzjoni ġuridika tal-appellanti u kienet suġġetta għal miżuri ta’ implementazzjoni.
—
Il-Qorti Ġenerali wettqet żball meta kkonstatat li l-appellanti ma hijiex direttament ikkonċernata mid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2013/423/UE għaliex ġiet implementata permezz tar-Regolament 748/2013 (2). Ir-Regolament 748/2013 huwa att konfermattiv tad-Deċiżjoni 2013/423/UE. Għaldaqstant, l-appellanti kellha locus standi sabiex tappella direttament kontra d-Deċiżjoni 2013/423/UE.
—
Il-Qorti Ġenerali ħadet żball meta kkonstatat li d-Deċiżjoni 2013/423/UE timplika miżuri ta’ implementazzjoni, peress li l-Qorti Ġenerali ma eżaminatx jekk il-Kummissjoni kellhiex setgħa diskrezzjonali fil-mument meta adottat ir-Regolament 748/2013 jew jekk l-implementazzjoni tad-Deċiżjoni 2013/423/UE kinitx purament awtomatika fil-konfront tal-appellanti, li kien effettivament il-każ.
(1) Deċiżjoni tal-Kummissjoni, tat-2 ta’ Awwissu 2013, li taċċetta impenn offrut b’rabta mal-proċediment antidumping li jikkonċerna l-importazzjonijiet ta’ moduli fotovoltajċi bis-silikon kristallin u l-komponenti ewlenin (jiġifieri ċ-ċelloli u l-wejfers) li joriġinaw jew jintbagħtu mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina (ĠU L 209, p. 26).
(2) Regolament tal-Kummissjoni, tat-2 ta’ Awwissu 2013, li jemenda r-Regolament (UE) Nru 513/2013, li jimponi dazju provviżorju tal-antidumping fuq l-importazzjonijiet ta’ moduli fotovoltajċi bis-silikon kristallin u l-komponenti ewlenin (jiġifieri ċ-ċelloli u l-wejfers) li joriġinaw jew jiġu kkonsenjati mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina (ĠU L 209, p. 1).
Full & Egal Universal Law Academy