8.6.2015
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 190/6
Appell ippreżentat fit-30 ta’ Marzu 2015 minn Naftiran Intertrade Co. (NICO) Sàrl mid-digriet mogħti mill-Qorti Ġenerali (Is-Seba’Awla) fl-20 ta’ Jannar 2015 fil-Kawża T-6/13, Naftiran Intertrade Co. (NICO) Sàrl vs Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea
(Kawża C-153/15 P)
(2015/C 190/06)
Lingwa tal-kawża: l-Ingliż
Partijiet
Appellanti: Naftiran Intertrade Co. (NICO) Sàrl (rappreżentanti: J. Grayston, Solicitor, P. Gjørtler, avukat, G. Pandey, avukat, D. Rovetta, avukat, M. Gambardella, avukat)
Parti oħra fil-proċedura: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea
Talbiet tal-appellanti
—
tannulla d-digriet tal-Qorti Ġenerali tal-20 ta’ Jannar 2015 fil-Kawża T-6/13, Naftiran Intertrade Co. (NICO) Sàrl vs Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, u tiddikjara r-rikors għall-annullament ammissibbli;
—
tibgħat lura l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali;
—
tordna lill-Kunsill ibati l-ispejjeż tal-proċeduri tal-appell preżenti.
Aggravji u argumenti prinċipali
L-appellanti tinvoka żewġ aggravji marbuta mal-fatt li l-Qorti Ġenerali bbażat id-digriet appellat fuq żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni u żbalji ta’ liġi.
L-appellanti ssostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni billi qieset, l-ewwel nett, li notifika individwali kompleta saret fid-19 ta’ Ottubru 2012 u, it-tieni nett, li din in-notifika saret qabel il-pubblikazzjoni ta’ notifika ġenerali fis-serje C tal-Ġurnal Uffiċjal tal-Unjoni Ewropea fis-16 ta’ Ottubru 2012.
Barra minn hekk, l-appellanti tqis li l-Qorti Ġenerali wettqet żbalji ta’ liġi, l-ewwel nett, billi naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni r-rekwiżit li n-notifika għandha tinkludi motivazzjoni, it-tieni nett, billi kkonstatat li notifika individwali seta’ jkollha l-effett li tqassar it-terminu għall-preżentata ta’ rikors ġudizzjarju kontra att legali tal-Unjoni Ewropea, it-tielet nett, billi ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-konsegwenzi legali tal-għażliet tal-Kunsill fir-rigward tal-proċedura ta’ notifika u, ir-raba’ nett, billi naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni l-fehim leġittimu tad-dritt meta saret il-preżentata tar-rikors.
Full & Egal Universal Law Academy