15.6.2015
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 198/26
Rikors ippreżentat fis-16 ta’ April 2015 – Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Renju ta’ Spanja
(Kawża C-172/15)
(2015/C 198/34)
Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol
Partijiet
Rikorrenti: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: L. Nicolae u J. Rius, aġenti)
Konvenut: Ir-Renju ta’ Spanja
Talbiet
—
tiddikjara, b’konformità mal-Artikolu 258 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li peress li ma approvax it-totalità tal-valutazzjonijiet u tal-pjanijiet tas-sigurtà tal-portijiet tal-portijiet Spanjoli kollha inklużi fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2005/65/KE (1) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-26 ta’ Ottubru 2005, dwar it-titjib tas-sigurtà fil-portijiet, ir-Renju ta’ Spanja naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt l-Artikolu 2(3) u l-Artikoli 6 u 7 ta’ din id-direttiva, li jipprevedu, rispettivament, li l-Istati Membri jistabbilixxu għal kull port id-delimitazzjonijiet tiegħu, u japprovaw il-valutazzjonijiet u l-pjanijiet tas-sigurtà tal-portijiet rilevanti;
—
tikkundanna lir-Renju ta’ Spanja għall-ispejjeż.
Motivi u argumenti prinċipali
Fil-5 ta’ Settembru 2014, ir-Renju ta’ Spanja rrikonoxxa li, mis-67 portijiet ikkonċernati mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni, 3 valutazzjonijiet tas-sigurtà tal-portijiet u 18-il pjan tas-sigurtà tal-portijiet kienu għadhom qed jistennew approvazzjoni.
Minn din id-data sal-lum, l-awtoritajiet Spanjoli komplew jinformaw regolament bl-iżviluppi fl-applikazzjoni prattika tad-Direttiva 2005/65/KE. L-aħħar rapport dwar is-sitwazzjoni għal tali għan kien riċevut fl-14 ta’ April 2015, li minnu jirriżulta li, mis-67 portijiet ikkonċernati mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni, valutazzjoni u tmien pjanijiet tas-sigurtà tal-portijiet kienu għadhom qed jistennew approvazzjoni.
Konsegwentement, il-Kummissjoni tikkonstata li fid-data tal-aħħar rapport dwar is-sitwazzjoni li rċeviet, ir-Renju ta’ Spanja kien naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu li jiddefinixxi d-delimitazzjonijiet rilevanti ta’ kull port skont id-Direttiva 2005/66/KE, u lanqas ma wettaq l-obbligi tiegħu li jistabbilixxi u japprova valutazzjoni tal-protezzjoni tal-portijiet kollha li għalihom tapplika d-Direttiva 2005/65/KE, kif ukoll li jistabbilixxi u japprova l-pjanijiet tas-sigurtà tal-portijiet ta’ dawn il-portijiet.
(1) ĠU L 310, p. 28.
Full & Egal Universal Law Academy