20.7.2015
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 236/25
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tribunal Superior de Justicia de la Comunidad Autónoma del País Vasco (Spanja) fit-23 ta’ April 2015 – Florentina Martínez Andrés vs Servicio Vasco de Salud
(Kawża C-184/15)
(2015/C 236/34)
Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol
Qorti tar-rinviju
Tribunal Superior de Justicia de la Comunidad Autónoma del País Vasco
Partijiet fil-kawża prinċipali
Rikorrenti: Florentina Martínez Andrés
Konvenut: Servicio Vasco de Salud
Domandi preliminari
1)
Il-punt 1 tal-klawżola 5 tal-Ftehim qafas bejn CES, UNICE u CEEP fuq ix-xogħol għal żmien determinat (1), għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li, f’każijiet ta’ abbuż b’konsegwenza tal-użu ta’ kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat, ma tirrikonoxxix b’mod ġenerali, fil-każ tal-persunal kuntrattwali temporanju awżiljarju u kuntrarjament għal dak li jseħħ f’sitwazzjoni identika għall-persuni impjegati mill-amministrazzjoni, id-dritt għaż-żamma tar-relazzjoni tax-xogħol b’mod indeterminat mhux permanenti, jiġifieri d-dritt li jimtela l-post vakanti b’mod temporanju sakemm jiġi indirizzat b’mod regolatorju jew jitneħħa permezz ta’ proċedimenti stabbiliti legalment?
2)
Fil-każ ta’ risposta fin-negattiv għad-domanda preċedenti, il-prinċipju ta’ ekwivalenza għandu jiġi interpretat fis-sens li l-qorti nazzjonali tista’ tqis li ż-żewġ sitwazzjonijiet, dik tal-kuntratt tax-xogħol għal żmien determinat mal-amministrazzjoni u dik tal-persunal kuntrattwali temporanju awżiljarju, huma simili fil-każ ta’ abbuż tal-użu ta’ kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat, jew inkella, minbarra l-identità tal-persuna li timpjega, l-identità jew ix-xebh tas-servizzi pprovduti u t-tul ta’ żmien determinat tal-kuntratt tax-xogħol, il-qorti nazzjonali għandha tieħu inkunsiderazzjoni elementi oħra meta tevalwa x-xebh, bħal pereżempju, in-natura speċifika tar-relazzjoni tax-xogħol jew kuntrattwali tal-impjegat jew is-setgħa tal-amministrazzjoni li torganizza lilha nnifisha, li jiġġustifikaw trattament differenzjat taż-żewġ sitwazzjonijiet?
(1) Anness għad-Direttiva tal-Kunsill 1999/70/KE, tat-28 ta’ Ġunju 1999 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 3, p. 368)
Full & Egal Universal Law Academy