3.8.2015
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 254/4
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Vrhovno sodišče Republike Slovenije (is-Slovenja) fit-22 ta’ April 2015 – Marjan Kostanjevec vs F&S LEASING GmbH
(Kawża C-185/15)
(2015/C 254/05)
Lingwa tal-kawża: is-Sloven
Qorti tar-rinviju
Vrhovno sodišče Republike Slovenije
Partijiet fil-kawża prinċipali
Rikorrent: Marjan Kostanjevec
Konvenuta: F&S LEASING GmbH
Domandi preliminari
1)
Il-kunċett ta’ kontrotalba fis-sens tal-Artikolu 6(3) tar-Regolament Nru 44/2001 (1) għandu jiġi interpretat fis-sens li jkopri wkoll ir-rikors li ġie ppreżentat inkwantu kontrotalba skont id-dritt nazzjonali wara li, fil-kuntest ta’ proċedura għal “reviżjoni”, sentenza li għandha saħħa ta’ res judicata u li saret eżekuttiva, mogħtija f’proċedura sussegwenti għar-rikors oriġinali tal-konvenuta, kienet ġiet annullata u li din l-istess kawża kienet ġiet irrinvijata lill-qorti tal-prim’istanza sabiex tiġi deċiża mill-ġdid, fejn ir-rikorrent madankollu jitlob fil-kontrotalba tiegħu bbażata fuq l-arrikkiment indebitu ir-rimbors tal-ammont li kien obbligat li jħallas skont is-sentenza annullata?
2)
Il-kunċett ta’ kawża “f’materji li għandhom x’jaqsmu ma’ kuntratti konklużi mill-konsumaturi” fis-sens tal-Artikolu 15(1) tar-Regolament Nru 44/2001 għandu jiġi interpretat fis-sens li jkopri wkoll is-sitwazzjoni li fiha l-konsumatur jippreżenta rikors li permezz tiegħu huwa jressaq talba li tallega l-arrikkiment indebitu inkwantu kontrotalba skont id-dritt nazzjonali fir-rigward ta’ rikors oriġinali li madankollu jikkostitwixxi kawża li tirrigwarda materji li għandhom x’jaqsmu ma’ kuntratti konklużi mill-konsumaturi fis-sens tad-dispożizzjoni ċċitata tar-Regolament Nru 44/2001, u fejn ir-rikorrent – il-konsumatur – jitlob permezz tar-rikors tiegħu r-rimbors ta’ somma li huwa kien obbligat li jħallas skont sentenza annullata (iktar tard) sussegwentement għal proċedura mibdija permezz tar-rikors oriġinali tal-konvenuta, u għalhekk jitlob ir-rimbors ta’ ammont li jirriżulta minn kawża li tirrigwarda materji li għandhom x’jaqsmu ma’ kuntratti konklużi mill-konsumaturi?
3)
Jekk il-ġurisdizzjoni ma tistax tkun fondata fil-każ deskritt, la fuq ir-regoli tal-ġurisdizzjoni applikabbli għall-kontrotalbiet, u lanqas fuq ir-regoli ta’ ġurisdizzjoni applikabbli għall-kuntratti konklużi mill-konsumaturi,
(a)
il-kunċett ta’ “materji li għandhom x’jaqsmu ma’ xi kuntratt” skont l-Artikolu 5(1) tar-Regolament Nru 44/2001 għandu jiġi interpretat fis-sens li jkopri wkoll ir-rikors li permezz tiegħu l-konsumatur iressaq talba bbażata fuq l-arrikkiment indebitu, iżda li huwa jintroduċi inkwantu kontrotalba skont id-dritt nazzjonali, flimkien mar-rikors oriġinali tal-konvenuta li jikkonċerna r-relazzjoni kuntrattwali bejn il-partijiet, meta s-suġġett tat-talba bbażata fuq l-arrikkiment indebitu jkun madankollu r-rimbors tal-ammont li huwa kien obbligat li jħallas skont sentenza annullata (iktar tard) sussegwentement għal proċedura skont ir-rikors oriġinali tal-konvenuta u għalhekk ir-rimbors ta’ ammont li jirriżulta minn kawża li tikkonċerna materji li għandhom x’jaqsmu ma’ xi kuntratt;
u jekk tista’ tingħata risposta affermattiva għad-domanda preċedenti
(b)
fil-każ deskritt, il-ġurisdizzjoni skont il-post ta’ eżekuzzjoni fis-sens tal-Artikolu 5(1) tar-Regolament Nru 44/2001 għandha tiġi evalwata skont ir-regoli applikabbli għall-eżekuzzjoni tal-obbligi li jirriżultaw minn talba bbażata fuq l-arrikkiment indebitu?
(1) Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001, tat-22 ta’ Diċembru 2000, dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (ĠU L 12, 16.1.2001, p. 1) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 4, p. 42).
Full & Egal Universal Law Academy