20.7.2015
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 236/26
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tribunal Superior de Justicia de la Comunidad Autónoma del País Vasco (Spanja) fid-29 ta’ April 2015 – Juan Carlos Castrejana López vs Ayuntamiento de Vitoria
(Kawża C-197/15)
(2015/C 236/36)
Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol
Qorti tar-rinviju
Tribunal Superior de Justicia de la Comunidad Autónoma del País Vasco
Partijiet fil-kawża prinċipali
Rikorrent: Juan Carlos Castrejana López
Konvenut: Ayuntamiento de Vitoria
Domandi preliminari
1)
Il-punt 1 tal-klawżola 5 tal-Ftehim qafas bejn CES, UNICE u CEEP fuq ix-xogħol għal żmien determinat (1) għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li, fil-każ ta’ użu abbużiv ta’ kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat, ma tirrikonoxxix ġeneralment lill-persunal mhux permanenti [funcionarios interinos], kuntrarjament għal dak li jiġri għall-persuni taħt kuntratt ta’ xogħol mal-amministrazzjoni li jinsabu f’sitwazzjoni identika, id-dritt li jżommu r-relazzjoni inkwantu persunal għal żmien indeterminat mhux permanenti, jiġifieri d-dritt li jokkupaw il-pożizzjoni koperta temporanjament sakemm din timtela skont kif previst fil-liġi jew titneħħa permezz ta’ proċeduri legali?
2)
Jekk ir-risposta għad-domanda preċedenti hija fin-negattiv, il-prinċipju ta’ ekwivalenza għandu jiġi interpretat fis-sens li l-qorti nazzjonali tista’ tqis li ż-żewġ sitwazzjonijiet, dak tal-persunal taħt kuntratt ta’ xogħol għal żmien determinat mal-amministrazzjoni u dak tal-membru tal-persunal mhux permanenti, huma simili fil-każ ta’ użu abbużiv ta’ kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat, jew il-qorti nazzjonali għandha, waqt l-evalwazzjoni tax-xebh, tieħu inkunsiderazzjoni elementi oħra minbarra l-identità tal-persuna li timpjega, l-identità jew ix-xebh tas-servizzi pprovduti u ż-żmien determinat tal-kuntratt ta’ xogħol, bħal pereżempju n-natura speċifika tar-relazzjoni kuntrattwali jew li tirriżulta minn regolamenti tal-persunal tal-impjegat jew is-setgħa tal-amministrazzjoni li torganizza lilha nnifisha, li jiġġustifikaw trattament differenti taż-żewġ sitwazzjonijiet?
3)
Jekk ir-risposta għad-domandi preċedenti hija fin-negattiv, il-prinċipju ta’ effettività għandu jiġi interpretat fis-sens li l-dibattiti u d-determinazzjoni tas-sanzjoni xierqa għandhom isiru fi ħdan il-qafas tal-istess proċedura li fiha l-użu abbużiv ta’ kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat huwa kkonstatat, permezz ta’ kwistjoni proċedurali li jippermettu li l-partijiet jitolbu, jallegaw u jipproduċu l-prova ta’ dak li huma jqisu xierqa għal dan il-għan, jew, għall-kuntrarju, fis-sens li dan ma jipprekludix li l-persuna leża, għal dan il-għan, tiġi rrinvjata għal proċeduri amministrattivi ġodda u, jekk ikun il-każ, ġudizzjarji?
(1) Anness għad-Direttiva tal-Kunsill 1999/70/KE, tat-28 ta’ Ġunju 1999 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 3, p. 368)
Full & Egal Universal Law Academy