13.7.2015
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 228/6
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Augstākā tiesa (il-Latvja) fl-4 ta’ Mejju 2015 – Valsts ieņēmumu dienests vs SIA “Latspas”
(Kawża C-204/15)
(2015/C 228/08)
Lingwa tal-kawża: il-Latvjan
Qorti tar-rinviju
Augstākā tiesa
Partijiet fil-kawża prinċipali
Rikorrenti: Valsts ieņēmumu dienests
Konvenuti: SIA “Latspas”
Domandi preliminari
1)
L-Artikolu 29(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92, tat-12 ta’ Ottubru 1992, li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità (1) għandu jiġi interpretat fis-sens li l-metodu previst fih huwa applikabbli wkoll fil-każ fejn l-importazzjoni tal-merkanzija u r-rilaxx tagħha f’ċirkulazzjoni libera fit-territorju doganali tal-Komunità huma l-konsegwenza tal-fatt li, matul il-proċedura ta’ tranżitu, din il-merkanzija, suġġetta għal dazji fuq l-importazzjoni, tneħħiet b’mod illegali mis-sorveljanza tad-dwana, u li għalhekk ma nbiegħetx għall-esportazzjoni fit-territorju doganali tal-Komunità iżda għall-esportazzjoni barra minn dan it-territorju?
2)
Il-kelma “sekwenzjalment” fl-Artikolu 30(1) tar-Regolament (KEE) Nru 2913/92, fir-rigward tad-dritt għal amministrazzjoni tajba, sanċit fl-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, u, b’mod partikolari, fid-dawl tal-prinċipju ta’ motivazzjoni tal-atti amministrattivi, għandha tiġi interpretata fis-sens li l-awtorità doganali għandha tindika fid-deċiżjoni tagħha r-raġuni għalfejn hija kkunsidrat li l-metodi ta’ determinazzjoni tal-valur doganali tal-Artikoli 29 u 30 tar-Regolament ma kienux applikabbli fil-każ inkwistjoni u ddeċidiet konsegwentement li kellu jiġi applikat il-metodu msemmi fl-Artikolu 31 tiegħu?
(1) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 4, p. 307.
Full & Egal Universal Law Academy