27.7.2015
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 245/6
Appell ippreżentat fit-8 ta’ Mejju 2015 minn Orange, li kienet France Télécom mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (Id-Disa’ Awla) fis-26 ta’ Frar 2015 fil-Kawża T-385/12, Orange vs Il-Kummissjoni
(Kawża C-211/15 P)
(2015/C 245/09)
Lingwa tal-kawża: il-Franċiż
Partijiet
Appellanti: Orange, li kienet France Télécom (rappreżentanti: S. Hautbourg u S. Cochard-Quesson, avukati)
Parti oħra fil-proċedura: Il-Kummissjoni Ewropea
Talbiet
—
tannulla s-sentenza appellata;
—
tiddeċiedi definittivament fil-mertu skont l-Artikolu 61 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja u tilqa’ t-talbiet mressqa minn Orange fl-ewwel istanza;
—
sussidjarjament tibgħat lura l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali;
—
tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż kollha.
Aggravji u argumenti prinċipali
Insostenn tal-appell tagħha, ir-rikorrenti tinvoka diversi aggravji.
Fl-ewwel lok, il-Qorti Ġenerali wettqet żbalji ta’ liġi meta kkonstatat li l-kriterji li jippermettu li tinżamm il-kwalifika ta’ għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE kienu sodisfatti. Il-Qorti Ġenerali, minn naħa, wettqet żball ta’ liġi meta kkunsidrat li Orange kienet ibbenefikat minn vantaġġ, meta l-miżura kienet intiża sabiex tħassar l-iżvantaġġ strutturali li rriżula miż-żamma tad-dispożittiv previst mil-liġi tal-1990 u sabiex jippermetti l-ħolqien ta’ kompetizzjoni sħiħa fil-kuntest tal-liberalizzazzjoni totali tas-swieq tat-telekomunikazzjonijiet. Min-naħa l-oħra, ir-rikorrenti takkuża lill-Qorti Ġenerali wkoll li wettqet żball ta’ liġi meta kkunsidrat li ma kienx meħtieġ f’dan il-każ, sabiex tiġi kkonfermata n-natura selettiva tal-miżura kkontesta, li tivverifika jekk din kinitx ta’ natura li tintroduċi differenzi bejn operaturi li jinsabu f’sitwazzjoni fattwali u legali paragunabbli filwaqt li, fiċ-ċirkustanzi tal-każ, l-ebda impriża oħra ma setgħet tiġi inkluża fil-kuntest ta’ riferiment ikkunsidrat mill-Kummissjoni. Fl-aħħar nett, il-Qorti Ġenerali kisret l-obbligu ta’ motivazzjoni tagħha u wettqet żball ta’ liġi meta ma analizzatx l-argumenti mressqa mir-rikorrenti sabiex tikkunsidra li l-miżura ma kinitx tista’ tfixkel jew thedded li tfixkel il-kompetizzjoni fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE.
Fit-tieni lok, il-Qorti Ġenerali wettqet żbalji ta’ liġi meta użat f’isimha l-analiżi tal-Kummissjoni fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà tal-miżuri inkwistjoni. Il-Qorti Ġenerali, minn naħa, kisret l-obbligu ta’ motivazzjoni tagħha u żnaturat il-fatti meta kkonkludiet li l-Artikolu 30 tal-Liġi tal-1996, kif emendat, ma jipprovdi xejn fir-rigward tal-finalità tal-kontribuzzjoni ta’ somma f’daqqa eċċezzjonali u għalhekk ma tipprekludix il-konklużjoni tal-Kummissjoni li l-kontribuzzjoni f’somma waħda eċċezzjonali ma tikkostitwixxi piż soċjali għall-impriża. Min-naħa l-oħra, il-Qorti Ġenerali kisret l-obbligu ta’ motivazzjoni tagħha meta użat l-evalwazzjonijiet tal-Kummissjoni u sempliċement ikkonstatat li l-preċedent “La Poste” ma kienx transpożabbli għal France Télécom (Orange).
Fl-aħħar lok, ir-rikorrenti tqis li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi fl-evalwazzjoni tal-perijodu li matulu l-għajnuna ddefinita fid-deċiżjoni tinsab innewtralizzata bil-kontribuzzjoni ta’ somma f’daqqa eċċezzjonali. B’mod partikolari, il-Qorti Ġenerali żnaturat il-fatti u ssostitwiet bil-motivazzjoni tagħha dik tad-deċiżjoni kkontestata meta kkonfermat it-tħassir tal-ispejjeż ta’ kumpens u ta’ kumpens żejjed li kienu jagħmlu parti mill-għajnuna ddefinita fl-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata.
Full & Egal Universal Law Academy