13.7.2015
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 228/8
Appell ippreżentat fil-15 ta’ Mejju 2015 minn Rose Vision, S.L. mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (Il-Ħames Awla) fil-5 ta’ Marzu 2015 fil-Kawża T-45/13, Rose Vision u Seseña vs Il-Kummissjoni
(Kawża C-224/15 P)
(2015/C 228/10)
Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol
Partijiet
Appellanti: Rose Vision, S.L. (rappreżentanti: J.J. Marín López, avukat)
Parti oħra fil-proċedura: Il-Kummissjoni Ewropea
Talbiet
—
tannulla s-sentenza tal-Qorti Ġenerali (Il-Ħames Awla) tal-5 ta’ Marzu 2015, Rose Vision u Seseña vs Il-Kummissjoni, T-45/13, EU:T:2015:138.
—
tiddikjara n-nullità tas-sospensjoni ta’ pagamenti adottata mill-Kummissjoni u minn korpi oħra tal-Unjoni (b’mod partikolari l-Aġenzija Eżekuttiva għar-Riċerka) fil-kuntest tal-verifiki 11-INFS-025 u 11-BA119-016, bil-konsegwenzi indikati fil-punt 51 tal-appell.
—
tiddikjara li l-Kummissjoni wettqet ksur tal-provvedimenti kuntrattwali tal-kuntratt ta’ għajnuna tal-proġett FutureNEM relatati mal-obbligu ta’ kunfidenzjalità, li fir-rigward tagħha l-Kummissjoni għandha tikkumpensa lil Rose Vision skont kif indikat fil-punt 93 tal-appell.
—
tiddikjara r-responsabbiltà extrakuntrattwali tal-Kummissjoni fir-rigward ta’ Rose Vision billi inkludietha fil-livell ta’ twissija W 2 tas-Sistema ta’ Twissijiet Bikrija (EWS) stabbilita bid-Deċiżjoni 2008/969/KE, Euratom (1), fir-rigward tal-EWS għall-użu tal-kompjuters tal-Kummissjoni u tal-aġenziji eżekuttivi, u billi ssospendiet il-pagamenti, fejn għaldaqstant għandha tikkumpensaha għad-danni patrimonjali u ekonomiċi u għad-danni morali indikati fil-punt 122 tal-appell.
Aggravji u argumenti prinċipali
1.
Żball ta’ liġi billi qieset li kienet teżisti proroga tat-terminu stabbilit fil-paragrafu 5 tal-punt II.22 tal-kundizzjonijiet ġenerali FP7 għall-preżentazzjoni tal-verżjoni finali tar-rapporti ta’ verifika 11-INFS-025 u 11-BA119-016 (punti 93 u 95 tas-sentenza appellata) u li l-Kummissjoni ma marritx kontra l-ftehim ta’ għajnuna (punt 97 tas-sentenza appellata).
2.
Żball ta’ liġi billi naqset milli timmotiva l-affermazzjoni li l-abbozz tar-rapport ta’ verifika 11-INFS-025 “diġà kien stabbilixxa l-eżistenza ta’ spejjeż ta’ persunal speċifiċi li ma kinux eliġibbli għall-għajnuna, kif ukoll il-ksur ta’ provvedimenti kuntrattwali speċifiċi, li ġie kkonfermat fil-verżjoni definittiva tal-imsemmi rapport ta’ verifika” (punt 99 tas-sentenza appellata).
3.
Żball ta’ liġi billi sostniet, b’riferiment għar-rapport ta’ verifika 11-INFS-025, li Rose Vision “ma ppreżentat ebda element li jippermetti li jippermettu li jitqiegħdu inkwistjoni l-konklużjonijiet tal-imsemmi rapport ta’ verifika” (punt 101 tas-sentenza appellata) u li l-Kummissjoni ma marritx kontra l-ftehim ta’ għajnuna (punt 102 tas-sentenza appellata).
4.
Żball ta’ liġi billi ċaħdet l-eżistenza ta’ ksur tal-provvedimenti kuntrattwali tal-kuntratt ta’ għajnuna tal-proġett FutureNEM relatati mal-obbligu ta’ kunfidenzjalità (punt 104 tas-sentenza appellata).
5.
Żball ta’ liġi billi eskludiet ir-responsabbiltà tal-Unjoni għad-danni li rriżultaw mill-inklużjoni ta’ Rose Vision fil-livell ta’ twissija W 2 tas-Sistema ta’ Twissijiet Bikrija (EWS) stabbilita bid-Deċiżjoni 2008/969/KE, u tas-sospensjoni ta’ pagamenti lil Rose Vision (punt 120 tas-sentenza appellata).
(1) ĠU L 344, p. 125
Full & Egal Universal Law Academy