10.8.2015
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 262/6
Appell ippreżentat fl-20 ta’ Mejju 2015 minn ultra air GmbH mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (It-Tielet Awla) fid-9 ta’ Marzu 2015 fil-Kawża T-377/13 – ultra air GmbH vs L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni)
(Kawża C-232/15 P)
(2015/C 262/09)
Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż
Partijiet
Appellanti: ultra air GmbH (rappreżentant: C. König, avukat)
Parti oħra fil-proċedura: L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni)
Talbiet
—
tannulla s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tad-9 ta’ Marzu 2015 fil-Kawża T-377/13 sa fejn il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea ma annullatx id-deċiżjoni tar-Raba’ Bord tal-Appell tal-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI) tas-6 ta’ Mejju 2013 (Każ R 1100/2011-4);
—
tikkundanna lill-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern għall-ispejjeż tal-appellanti.
Aggravji u argumenti prinċipali
L-appellanti tinvoka żewġ aggravji:
1. L-ewwel aggravju: ksur tal-Artikolu 7(1)(c) tar-Regolament Nru 207/2009 (1)
a)
Hemm ksur tal-Artikolu 7(1)(c) tar-Regolament Nru 207/2009, l-ewwel nett, peress li l-allegat sinjifikat deskrittiv tat-trade mark “ultra.air ultrafilter” fis-sens ta’ “arja ta’ kwalità eċċellenti miksuba permezz ta’ “ultrafilter”” ma jistax jiġi dedott, skont il-punti 18 u 19 tas-sentenza appellata, direttament u mingħajr kunsiderazzjoni supplimentari tat-trade mark. Fil-punt 19, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li “ultra.air” fiha nfisha ma għandhiex sinjifikat konkret u la tiddeskrivi kwalità u lanqas karatteristika. Il-Qorti Ġenerali waslet għall-allegat sinjifikat deskrittiv tat-trade mark biss permezz tal-preżunzjoni li l-pubbliku rilevanti ma jevalwax id-denominazzjoni “ultra.air” kif tiġi ppreżentata lilu, iżda jissupplementaha bi kliem li jiddeskrivu kwalità, bħal “pur” jew “fin”.
b)
Hemm ksur tal-Artikolu 7(1)(c) tar-Regolament Nru 207/2009, it-tieni nett, fir-rigward tal-prodotti “apparati u impjanti għall-filtrazzjoni ta’ likwidi” sa fejn is-sinjifikat deskrittiv diverġenti ta’ “ultra.air ultrafilter” fis-sens ta’ “riżultat ta’ filtrazzjoni ta’ kwalità eċċellenti miksub permezz ta’ “ultrafilter””, li ġie aċċettat mill-Qorti Ġenerali ma jistax, a fortiori, jiġi dedott direttament u mingħajr kunsiderazzjoni supplimentari tat-trade mark. Kien biss wara diversi stadji fir-raġunament tagħha li l-Qorti Ġenerali nfisha waslet għal dan is-sinjifikat diverġenti: l-ewwel nett, il-pubbliku rilevanti jkollu jinterpreta “ultra.air ultrafilter” fis-sens ta’ “arja ta’ kwalità eċċellenti miksuba permezz ta’ “ultrafilter”. It-tieni nett, ikollu jasal għall-konklużjoni li dan l-allegat sinjifikat ma huwiex deskrittiv għall-apparat u għall-impjanti ta’ filtrazzjoni ta’ likwidi li jkunu effettivament qegħdin jiġu evalwati, iżda huwa pjuttost deskrittiv għall-apparat u impjanti ta’ filtrazzjoni tal-arja. It-tielet nett, huwa jkollu jislet “riżultat ta’ filtrazzjoni ta’ kwalità eċċellenti miksuba permezz ta’ “ultrafilter”” mis-sinjifikat speċifikament stabbilit ta “ultra.air ultrafilter”. L-allegat sinjifikat miksub permezz tal-iżvolġiment ta’ dawn l-istadji jinkludi numru ta’ kliem li ma humiex inklużi fit-trade mark (“riżultat ta’ filtrazzjoni”), (“kwalità eċċellenti”), filwaqt li sempliċement jeskludi kliem li huwa inkluż (“air”).
2. It-tieni aggravju: ksur tal-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009
Hemm ksur tal-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009 għall-istess raġunijiet li għalihom hemm ksur tal-Artikolu 7(1)(c) tar-Regolament Nru 207/2009.
(1) Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009, tas-26 ta’ Frar 2009, dwar it-trade mark Komunitarja, ĠU L 78, p. 1.
Full & Egal Universal Law Academy