Kawża C-239/15 P: Appell ippreżentat fit-22 ta’ Mejju 2015 minn RFA International, LP mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (It-Tieni Awla) fis-17 ta’ Marzu 2015 fil-Kawża T-466/12, RFA International, LP vs Il-Kummissjoni Ewropea
C2702015MT1520120150522MT0019152162
Appell ippreżentat fit-22 ta’ Mejju 2015 minn RFA International, LP mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (It-Tieni Awla) fis-17 ta’ Marzu 2015 fil-Kawża T-466/12, RFA International, LP vs Il-Kummissjoni Ewropea
(Kawża C-239/15 P)2015/C 270/19Lingwa tal-kawża: l-Ingliż
Partijiet
Appellanti: RFA International, LP (rappreżentanti: B. Evtimov, avukat, Prof. D. O’Keeffe, Solicitor, E. Borovikov, avukat)
Parti oħra fil-proċedura: Il-Kummissjoni Ewropea
Talbiet
—
tannulla s-sentenza tal-Qorti Ġenerali;
—
tagħti sentenza definittiva fuq it-talbiet tar-rikors għal annullament tal-appellanti fl-istadju opportun tal-proċedura, u tannulla parzjalment id-deċiżjonijiet ikkontestati fl-ewwel istanza;
—
sussidjarjament, tirrinvija l-kawża lill-Qorti Ġenerali għall-evalwazzjoni mill-ġdid tagħha;
—
tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.
Aggravji u argumenti prinċipali
L-appellanti ssostni li l-Qorti Ġenerali kisret id-dritt tal-Unjoni Ewropea fl-evalwazzjoni tat-talbiet tal-appellanti li wettqet fis-sentenza tagħha, kif ġej:
—
Il-Qorti Ġenerali żbaljat fl-evalwazzjoni ġuridika tal-pożizzjoni tal-Kummissjoni dwar ir-rilevanza ta’ entità ekonomika waħda (dipartiment tal-bejgħ integrat tal-produttur-esportatur, li jinsab barra mill-pajjiż ta’ esportazzjoni) għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 2(9) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009 ( 1 ) (ir-“Regolament antidumping bażiku”) u wettqet żball ta’ liġi meta naqset milli tiddeċiedi fuq l-argumenti tal-appellanti bbażati fuq il-ġurisprudenza li tirriżulta mis-sentenza Interpipe u Nikopolsky, b’mod li affettwat id-dritt tal-appellanti għal stħarriġ ġudizzjarju;
—
Il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi, inkluż fl-evalwazzjoni tal-ġurisprudenza li eżaminat, meta qiegħdet l-oneru tal-prova dwar l-ammont ta’ aġġustament skont l-Artikolu 2(9) tar-Regolament antidumping bażiku fuq il-parti interessata li tallega li l-aġġustament huwa eċċessiv minħabba l-eżistenza pprovata ta’ entità ekonomika waħda;
—
Il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ddeċidiet li l-eżistenza ta’ entità ekonomika waħda ma kinitx inkwistjoni fid-deċiżjonijiet ikkontestati u quddiem il-Qorti Ġenerali, u meta bbażat id-deċiżjoni tagħha fuq il-premessa li ċ-ċaħda mill-Kummissjoni tal-eżistenza ta’ entità ekonomika waħda ma kinitx tinsab fit-test tad-deċiżjonijiet ikkontestati; il-Qorti Ġenerali naqset milli tevalwa li tali ċaħda mill-Kummissjoni kienet saret fl-investigazzjoni dwar eżami mill-ġdid intermedju parallel imwettqa skont l-Artikolu 11(3) tar-Regolament antidumping bażiku, li kienet tirrigwarda l-istess importazzjonijiet u kienet tkopri l-istess perijodu ta’ investigazzjoni.
( 1 ) Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009, tat-30 ta’ Novembru 2009, dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (verżjoni kkodifikata), ĠU L 343, p. 51.
Full & Egal Universal Law Academy