7.9.2015
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 294/19
Appell ippreżentat fit-28 ta’ Mejju 2015 minn Naazneen Investments Ltd mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (Is-Seba’ Awla) fit-18 ta’ Marzu 2015 fil-Kawża T-250/13 – Naazneen Investments Limited vs L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (UASI)
(Kawża C-252/15 P)
(2015/C 294/25)
Lingwa tal-kawża: l-Ingliż
Partijiet
Appellanti: Naazneen Investments Ltd (rappreżentanti: P. Goldenbaum, avukat, I. Rohr, avukat)
Partijiet oħra fil-proċedura: L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni), Energy Brands, Inc.
Talbiet
—
tannulla s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-18 ta’ Marzu 2015 fil-Kawża T-250/13,
—
tannulla d-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell fil-Każ R-1101/2011-2, sussidjarjament, tirrinvija l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali, jekk meħtieġ u
—
tikkundanna lill-UASI għall-ispejjeż tagħha stess u għal dawk tal-appellanti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, il-Qorti Ġenerali u l-Bord tal-Appell u,
—
fil-każ li Energy Brands, Inc. tintervjeni fil-proċeduri, tikkundanna lil Energy Brands, Inc. għall-ispejjeż tagħha stess.
Aggravji u argumenti prinċipali
L-appellanti ssostni li l-Qorti Ġenerali interpretat b’mod żbaljat il-portata tal-Artikolu 75 u tal-Artikolu 51(1)(a) tar-Regolament Nru 207/2009 (1), ma wettqitx evalwazzjoni globali korretta u kompleta tal-provi kollha prodotti u taċ-ċirkustanzi rilevanti kollha tal-kawża – jew li inġustament ċaħdet li l-Bord tal-Appell naqas milli jagħmel dan – u ma ħaditx suffiċjentement inkunsiderazzjoni, jew applikat ħażin, il-prinċipji tal-ġurisprudenza. Barra min hekk, hemm distorsjoni tal-fatti fir-rigward tad-diversi konklużjonijiet tagħha.
I. Ksur tal-Artikolu 75 tar-Regolament Nru 207/2009
Il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi permezz tal-konklużjoni tagħha li l-Bord tal-Appell kien ta raġunijiet suffiċjenti għad-deċiżjoni tiegħu. B’mod partikolari, hija ma kkunsidratx li l-Bord tal-Appell kien kompletament injora l-paġni 6-22 tar-raġunijiet għall-appell u li hija kienet naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni l-provi kollha prodotti u li tipprovdi argumenti għall-konklużjoni tagħha. Fil-kuntest ta’ raġunijiet validi għal nuqqas ta’ użu, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ proċedura, minħabba li bbażat ruħha fuq l-aspett il-ġdid tal-allegati obbligi tad-detentur tal-liċenzja tar-rikorrenti għall-kontroll u għas-sorveljanza tal-manifattura tal-prodotti.
II. Ksur tal-Artikolu 51(1)(a) tar-Regolament Nru 207/2009
1. Użu ġenwin
Il-Qorti Ġenerali
—
B’mod żbaljat ikkonkludiet li l-Bord tal-Appell kien ħa inkunsiderazzjoni l-affidavits prodotti, minkejja li ma kinitx ittrattat il-valur probatorju ta’ dawn l-affidavits,
—
Ibbażat ruħha fuq fatti żbaljati meta kkonfermat sinjifikat ekonomiku limitat ħafna ta’ ordni ta’ 12-il pjattaforma ta’ fliexken sabiex iwettqu “testijiet għall-bejgħ”,
—
B’mod żbaljat stabbiliet u applikat regola li suq ta’ daqs sinjifikattiv – bħal dak għal xarbiet bħala prodotti għall-konsum tal-massa – awtomatikament irriżulta f’rekwiżiti iktar għoljin għal użu estensiv,
—
Ma osservatx it-prinċipju li ma kienx hemm kundizzjoni ta’ użu kontinwu,
—
Wettqet żball ta’ liġi meta kkonkludiet li r-raġunijiet għalfejn it-trade mark ma kinitx użata b’mod iktar estensiv u matul il-perijodu rilevanti kellhom biss jiġu eżaminati fl-evalwazzjoni tar-raġunijiet għan-nuqqas ta’ użu tat-trade marks,
—
Ma ħaditx inkunsiderazzjoni d-differenza bejn każijiet ta’ “nuqqas ta’ użu” u “każijiet b’użu limitat”,
—
B’mod żbaljat stabbiliet prinċipju li meta l-Bord tal-Appell jevalwa l-użu ġenwin ta’ trade mark, hija kellha biss tieħu inkunsiderazzjoni l-provi tal-eżistenza ta’ tali użu u mhux provi li jispjegaw in-nuqqas ta’ użu ta’ dik it-trade mark,
—
B’mod żbaljat stabbiliet regola li fil-kuntest tar-reklamar u tal-attivitajiet promozzjonali l-oħra, huma biss il-kampannji l-kbar li jistgħu jkunu rilevanti,
—
B’mod żbaljat ċaħdet ir-rilevanza tal-paġni stampati mis-sit internet tal-proprjetarju u naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni l-ispjegazzjonijiet tal-appellanti u l-provi prodotti mir-rikorrenti f’dak ir-rigward,
—
Weriet fehim ħażin tat-terminu “simboliku”.
Fil-kuntest tal-eżami tar-rilevanza ta’ volum kummerċjali modest fil-fażijiet ta’ tnedija (mill-ġdid), il-Qorti Ġenerali
—
Wettqet żball ta’ kalkolu,
—
Naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni d-difett fil-prodotti u l-proċedimenti ta’ revoka mibdija minn terz bħala raġuni plawżibbli u
—
Wettqet żball ta’ liġi fir-rigward tal-kwalità meħtieġa tar-raġunijiet għall-użu limitat. Fil-kuntest ta’ użu ġenwin, ir-raġunijiet għalfejn ma għandhiex tintuża trade mark fuq livell iktar estiż ma għandhomx jissodisfaw ir-rekwiżit ta’ raġunijiet ġustifikati għal nuqqas ta’użu, iżda għandu jkun suffiċjenti li jagħmlu plawżibbli r-raġuni għalfejn l-użu ma kienx fuq livell iktar estiż.
2. Raġunijiet għal nuqqas ta’ użu li jistgħu jiġu ġġustifikati
2.1 Problemi li jikkonċernaw l-manifattura ta’ xorb “SMART WATER”
Il-Qorti Ġenerali
—
Ibbażat ruħha fuq żnaturament tal-fatti, għaliex fil-fatt ma kienx hemm negliġenza tal-obbligi ta’ kontroll u ta’ sorveljanza tal-manifattura tal-prodotti,
—
Weriet fehim żbaljat tal-kriterju ta’ “indipendenza mir-rieda tal-proprjetarju tat-trade mark” u ta’ “ostakolu” skont l-Artikolu 19(1) tal-Ftehim TRIPS, b’mod partikolari billi ma staqsietx jekk kienx ikun irraġonevoli li jiġu prodotti u kkummerċjalizzati prodotti ġodda iżda jekk dan kienx impossibbli,
—
Naqset li tikkunsidra li l-appellanti kienet ipprovdiet spjegazzjonijiet iddettaljati dwar għaliex ma kienx possibbli li faċilment u malajr tkompli bil-produzzjoni u bit-tqassim, li la l-Bord tal-Appell u lanqas il-Qorti Ġenerali nnifisha ħadu inkunsiderazzjoni.
2.2 Proċedimenti ta’ revoka mibdija minn terz
Il-Qorti Ġenerali
—
Naqset milli tikkunsidra li l-proċedimenti ta’ revoka huma b’mod ċar indipendenti mir-rieda tal-proprjetarju tat-trade mark,
—
Applikat rekwiżit żbaljat meta bbażat ruħha fuq id-dikjarazzjoni li l-proċedimenti ta’ revoka ma waqqfux lill-proprjetarju milli jtuża t-trade mark,
—
Stabbiliet kriterju żbaljat ta’ “konsegwenzi diretti”. Il-Qorti Ġenerali ammettiet li, jekk proċedimenti ta’ revoka bħal dawn wasslu għar-revoka tat-trade mark, rikors għad-danni jista’ jiġi istitwit. Madankollu, hija ċaħdet raġuni xierqa għan-nuqqas ta’ użu minħabba li din ma kinitx “konsegwenza diretta” tal-proċedimenti ta’ revoka. Il-konklużjonijiet tal-Qorti Ġenerali f’dan ir-rigward huma kuntrarji għar-ratio legis tar-rekwiżit ta’ użu ġenwin. Id-dikjarazzjoni fil-qosor li kien għall-proprjetarju biex jevalwa u jikkalkola r-riskji u jew juża t-trade mark minkejja l-inċertezza li jista’ jsir responsabbli għad-danni jew li ma jagħmulx dan u għalhekk jastjeni milli juża t-trade mark kien b’mod ċar jiddiskrimina l-impriżi żgħar u ta’ daqs medju. Dan ukoll jiftaħ għal possibbiltà faċli ta’ abbuż tal-għodda tal-proċedimenti ta’ revoka minn terzi interessati fi trade mark irreġistrata.
(1) Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009, tas-26 ta’ Frar 2009, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU L 78, p. 1).
Full & Egal Universal Law Academy