3.8.2015
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 254/10
Appell ippreżentat fid-29 ta’ Mejju 2015 mill-Kummissjoni Ewropea mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (Is-Seba’ Awla) fid-19 ta’ Marzu 2015 fil-Kawża T-412/13, Chin Haur Indonesia, PT vs Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea
(Kawża C-253/15 P)
(2015/C 254/14)
Lingwa tal-kawża: l-Ingliż
Partijiet
Appellanti: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: J.-F. Brakeland, M. França, aġenti)
Partijiet oħra fil-proċedura: Chin Haur Indonesia, PT, Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, Maxcom Ltd
Talbiet tal-appellanti
—
tannulla s-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali fid-19 ta’ Marzu 2015 u nnotifikata lill-Kummissjoni fit-23 ta’ Marzu 2015 fil-Kawża T-412/13, Chin Haur Indonesia, PT vs Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, tiċħad it-talbiet tar-rikors fl-ewwel istanza u tikkundanna lir-rikorrenti fl-ewwel istanza għall-ispejjeż;
jew, sussidjarjament,
—
tibqgħat il-kawża lura quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex tiddeċiedi mill-ġdid.
Aggravji u argumenti prinċipali
L-appell tal-Kummissjoni huwa intiż kontra s-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali fid-19 ta’ Marzu 2015 fil-Kawża T-412/13. F’din is-sentenza, il-Qorti Ġenerali annullat, sa fejn jikkonċerna lil Chin Haur Indonesia, PT, l-Artikolu 1(1) u (3) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 501/2013 (1), tad-29 ta’ Mejju 2013, li jestendi d-dazju antidumping definittiv impost mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 990/2011 fuq importazzjonijiet ta’ biċikletti li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina għal importazzjonijiet ta’ biċikletti kkunsinjati mill-Indoneżja, mill-Malasja, mis-Sri Lanka u mit-Tuneżija, kemm jekk iddikjarati bħala li joriġinaw fl-Indoneżja, il-Malasja, is-Sri Lanka u t-Tuneżija kif ukoll jekk le.
Il-Kummissjoni tinvoka tliet aggravji insostenn tal-appell tagħha.
L-ewwel nett, il-Kummissjoni ssostni li l-Qorti Ġenerali ma setgħetx tiddeċiedi li l-Kunsill kien kiser ir-Regolament Bażiku (2) peress li din il-konklużjoni hija bbażata fuq interpretazzjoni żbaljata tal-premessa rilevanti tar-regolament ikkontestat u fuq interpretazzjoni żbaljata tal-Artikolu 13(1) tar-Regolament Bażiku. It-tieni nett, il-Kummissjoni ssostni li l-Qorti Ġenerali tat motivazzjoni insuffiċjenti u kontradittorja tal-konklużjonijiet tagħha, bi ksur tal-Artikolu 36 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja. It-tielet nett, il-Kummissjoni tqis li l-Qorti Ġenerali kisret id-drittijiet proċedural skont l-Artikolu 40 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja.
(1) ĠU L 153, p. 1.
(2) Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009, tat-30 ta’ Novembru 2009, dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (ĠU L 343, p. 51, rettifika ĠU 2010, L 7, p. 22).
Full & Egal Universal Law Academy