7.9.2015
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 294/21
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Amtsgericht Düsseldorf (il-Ġermanja) fid-29 ta’ Mejju 2015 – Steef Mennens vs Emirates Direktion für Deutschland
(Kawża C-255/15)
(2015/C 294/26)
Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż
Qorti tar-rinviju
Amtsgericht Düsseldorf
Partijiet fil-kawża prinċipali
Rikorrent: Steef Mennens
Konvenuta: Emirates Direktion für Deutschland
Domandi preliminari
I.
Id-dipożizzjonijiet tal-Artikolu 10(2) flimkien ma’ dawk tal-Artikolu 2(f) tar-Regolament (KE) Nru 261/2004 (1) għandhom jiġu interpretati fis-sens li “biljett” huwa dokument li jagħti lill-passiġġier (ukoll) dritt għat-trasport fuq it-titjira li fir-rigward tagħha tqiegħed fi klassi inferjuri, irrispettivament minn jekk titjiriet oħra, bħal titjiriet ta’ konnessjoni jew titjiriet ta’ ritorn, huma indikati fuq dan id-dokument?
II.
a.
Fil-każ li tingħata risposta fl-affermattiv għad-domanda I:
Id-dipożizzjonijiet tal-Artikolu 10(2) flimkien ma’ dawk tal-Artikolu 2(f) tar-Regolament (KE) Nru 261/2004 għandhom jiġu interpretati fis-sens li “prezz tal-biljett” jikkorrispondi għall-ammont imħallas mill-vjaġġatur għat-tijiriet kollha indikati fuq il-biljett, anki jekk it-tnaqqis fil-klassi kien jirrigwarda biss waħda mit-titjiriet?
b.
Fil-każ ta’ risposta fin-negattiv għad-domanda I:
Sabiex jiġi ddeterminat l-ammont bażiku għar-rimbors skont l-Artikolu 10(2) tar-Regolament (KE) Nru 261/2004, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni biss il-prezz ippubblikat mill-kumpannija tal-ajru għat-trasport, fil-klassi rriżervata, fuq ir-rotta kkonċernata mit-tnaqqis fil-klassi jew għandu jiġi stabbilit il-kwozjent bejn id-distanza tar-rotta kkonċernata mit-tnaqqis fil-klassi u d-distanza totali tat-titjira, immultiplikat bil-prezz totali tat-titjira?
III.
L-Artikolu 10(2) tar-Regolament (KE) Nru 261/2004 għandu jiġi interpretat ukoll fis-sens li l-“prezz tal-biljett” jikkorrispondi unikament għall-prezz tat-titjira biss, bl-esklużjoni tat-taxxi u tat-tariffi?
(1) Regolament (KE) Nru 261/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-11 ta’ Frar 2004, li jistabbilixxi regoli komuni dwar il-kumpens u l-assistenza għal passiġġieri fil-każ li ma jitħallewx jitilgħu u ta’ kanċellazzjoni jew dewmien twil ta’ titjiriet, u li […] jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 295/91 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 8, p. 10)
Full & Egal Universal Law Academy