7.9.2015
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 294/25
Appell ippreżentat fit-3 ta’ Ġunju 2015 minn Central Bank of Iran mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (L-Ewwel Awla) fil-25 ta’ Marzu 2015 fil-Kawża T-563/12, Central Bank of Iran vs Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea
(Kawża C-266/15 P)
(2015/C 294/31)
Lingwa tal-kawża: l-Ingliż
Partijiet
Appellant: Central Bank of Iran (rappreżentanti: M. Lester u Z. Al-Rikabi, Barristers)
Parti oħra fil-proċedura: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea
Talbiet
—
tannulla s-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali fil-25 ta’ Marzu 2015 fil-Kawża T-563/12;
—
tannulla l-miżuri kkontestati sa fejn dawn japplikaw għall-appellant;
—
tikkundanna lill-Kunsill għall-ispejjeż sostnuti mill-appellant kemm fil-kuntest tal-proċedura fl-ewwel istanza kif ukoll fil-kuntest ta’ dan l-appell.
Aggravji u argumenti prinċipali
Is-Central Bank of Iran appella mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali fil-25 ta’ Marzu 2015 fil-Kawża T-563/12, li ċaħdet ir-rikors tiegħu għall-annullament tal-inklużjoni tiegħu fid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2012/635/PESK, tal-15 ta’ Ottubru 2012 (1) u tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 945/2012, tal-15 ta’ Ottubru 2012 (2). L-appellant jinvoka erba’ aggravji insostenn tal-appell tiegħu.
Aggravju A: Il-Qorti Ġenerali wettqet żball meta kkunsidrat li l-Kunsill kien eżamina korrettament il-kwistjoni jekk wieħed mill-kriterji għall-inklużjoni fil-miżuri kkontestati kienx issodisfatt
Il-Qorti Ġenerali wettqet żball meta amalgamat is-servizzi pprovduti mill-appellant skont il-Liġi Monetarja u Finanzjarja Iranjana ma’ “appoġġ finanzjarju” lill-Gvern Iranjan fis-sens tal-kriterju għall-inklużjoni rilevanti. Is-servizzi pprovduti mill-appellant, bħala Bank Ċentrali, bħalma huma ż-żamma ta’ kontijiet u t-tranżazzjonijiet ta’ kklerjar, ma jikkostitwixxux “appoġġ finanzjarju” ta’ importanza kwalitattiva u kwantitattiva tali li jippermettu lill-Gvern Iranjan isegwi programm nukleari. Fil-fatt, jekk jiġu interpretati b’mod adegwat u proporzjonat, dawn is-servizzi bl-ebda mod ma jikkostitwixxu appoġġ finanzjarju.
Aggravju B: Il-Qorti Ġenerali wettqet żball meta kkunsidrat li l-Kunsill kien osserva l-obbligu ta’ motivazzjoni tiegħu previst fl-Artikolu 296 TFUE
L-eżistenza tal-Liġi Monetarja u Finanzjarja Iranjana, li tistabbilixxi l-funzjonijiet u s-setgħat tal-appellant bħala Bank Ċentrali tal-Iran, ma tiċċarax (kuntrarjament għal dak li ġie affermat fis-sentenza tal-Qorti Ġenerali) dak li jfisser il-Kunsill b’“appoġġ finanzjarju” fl-espożizzjoni tal-motivi. Il-Qorti Ġenerali żbaljat meta ddeċidiet li l-Kunsill ma kienx obbligat jipprovdi motivazzjoni konkreta u speċifika li tispjega kif u b’liema modi huwa qies li l-appellant kien ipprovda tali appoġġ lill-Gvern Iranjan.
Aggravju C: Il-Qorti Ġenerali wettqet żball meta kkonkludiet li d-drittijiet tad-difiża tal-appellant kienu ġew irrispettati
Il-Qorti Ġenerali żbaljat ukoll meta kkunsidrat li l-Kunsill kien irrispetta d-drittijiet tad-difiża tal-appellant. Il-Kunsill ma pproduċa ebda prova qabel ma adotta d-deċiżjoni tiegħu li jinkludi mill-ġdid lill-appellant fil-lista. Il-Qorti Ġenerali żbaljat meta awtorizzat lill-Kunsill jissupplimenta l-espożizzjoni tal-motivi billi jibbaża ruħu fuq id-dispożizzjonijiet tal-Liġi Monetarja u Finanzjarja Iranjana li (kuntrarjament għal dak li ġie indikat fis-sentenza tal-Qorti Ġenerali) manifestament ma ssemmewx fl-espożizzjoni tal-motivi. L-appellant ma kienx jaf bl-argumenti mqajma kontra tiegħu u ma kienx f’pożizzjoni li jippreżenta difiża adegwata.
Aggravju D: Il-Qorti Ġenerali wettqet żball meta ċaħdet il-motiv tal-appellant li skontu l-Kunsill kien kiser, mingħajr ġustifikazzjoni u b’mod sproporzjonat, id-drittijiet fundamentali tal-appellant, inkluż id-dritt tiegħu għall-protezzjoni tal-proprjetà u tar-reputazzjoni tiegħu
Il-Qorti Ġenerali messha kkonkludiet li l-inklużjoni tal-appellant kienet sproporzjonata billi kkawżat diffikultajiet serji għall-appellant u għall-poplu Iranjan, billi ma kellha ebda impatt fuq is-sorsi ta’ dħul tal-Gvern Iranjan, u billi ma hijiex ser tikkontribwixxi sabiex jintlaħaq l-għan li l-Gvern Iranjan jiġi kostrett iwaqqaf l-iżvilupp tal-programm tiegħu ta’ proliferazzjoni nukleari.
(1) Deċiżjoni tal-Kunsill 2012/635/PESK, tal-15 ta’ Ottubru 2012, li temenda d-Deċiżjoni 2010/413/PESK dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran (ĠU L 282, p. 58).
(2) Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 945/2012, tal-15 ta’ Ottubru 2012, li jimplimenta r-Regolament (UE) Nru 267/2012 dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran (ĠU L 282, p. 16).
Full & Egal Universal Law Academy