14.9.2015
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 302/17
Appell ippreżentat fit-12 ta’ Ġunju 2015 minn Matratzen Concord GmbH mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (Is-Sitt Awla) fis-16 ta’ April 2015 fil-Kawża T-258/13 – Matratzen Concord vs L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni)
(Kawża C-295/15 P)
(2015/C 302/22)
Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż
Partijiet
Appellanti: Matratzen Concord GmbH (rappreżentant: I. Selting, avukat)
Partijiet oħra fil-proċedura: L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni), KBT & Co. Ernst Kruchen agenzia commerciale sociétá in accomandita
Talbiet
—
tannulla d-deċiżjoni tas-Sitt Awla tal-Qorti Ġenerali tas-16 ta’ April 2015 fil-Kawża T-258/13 dwar it-tħassir tat-trade mark Komunitarja 281 86 80 “Arktis” minħabba fin-nuqqas ta’ użu ġenwin li sar minn din;
—
tikkundanna lill-parti l-oħra fil-kawża għall-ispejjeż, inklużi dawk sostnuti fil-proċedura.
Aggravji u argumenti prinċipali
L-appellanti tallega li d-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali fiha l-iżbalji ta’ liġi li ġejjin:
Il-Qorti Ġenerali interpretat b’mod żbaljat id-data fuq il-bejgħ tal-kumpannija Breiding fl-evalwazzjoni tat-trade mark ikkontestata. In-numru ta’ unitajiet mibjugħa mill-kumpannija Breiding matul il-perijodu inkwistjoni, li jmur mill-2006 sal-2009, ma kellux jittieħed inkunsiderazzjoni.
Fl-eżami tal-użu ġenwin, il-Qorti Ġenerali wettqet żball meta ma ħaditx inkunsiderazzjoni “Arktis”, iżda kkunsidrat il-prodotti identifikati permezz tad-deskrizzjoni “Arktis Line”, filwaqt li kkunsidrat iż-żieda ta’ “Line” bħala li hija esklużivament deskrittiva.
Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali għamlet użu żbaljat mid-diskrezzjoni tagħha meta kkunsidrat l-użu ġenwin li joriġina mit-trade mark ikkontestata, anki jekk id-dħul mill-bejgħ tal-merkanzija tal-proprjetarju tat-trade mark kienu estremament baxxi.
Fl-aħħar nett, il-Qorti Ġenerali żbaljat meta qieset li l-użu ġenwin ta’ “friex” u “kutri”, inkwistjoni f’din il-kawża, kienet irrilevanti. Il-proprjetarju tat-trade mark, kien madankollu pproduċa biss prova tal-użu tat-trade mark għal “kutri”, iżda mhux għall-friex bħall-imħaded u bħas-saqqijiet. Għalhekk, “friex” għandha għallinqas titħassar minn din it-trade mark.
Full & Egal Universal Law Academy