14.9.2015
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 302/18
Rikors ippreżentat fid-19 ta’ Ġunju 2015 – Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq
(Kawża C-304/15)
(2015/C 302/23)
Lingwa tal-kawża: l-Ingliż
Partijiet
Rikorrenti: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: K. Mifsud-Bonnici, S. Petrova, aġenti)
Konvenut: Ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq
Talbiet
—
tiddikjara u tiddeċiedi li, billi ma applikax korrettament id-Direttiva 2001/80/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2001 dwar il-limitazzjoni ta’ l-emissjonijiet ta’ ċerti tniġġis fl-arja minn impjanti kbar tal-kombustjoni (1) f’dak li jirrigwarda l-impjant “Aberthaw Power Station”, ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u tal-Irlanda ta’ Fuq naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu skont l-Artikolu 4(3) moqri flimkien mal-Parti A tal-Anness VI tad-Direttiva 2001/80/KE dwar il-limitazzjoni ta’ l-emissjonijiet ta’ ċerti tniġġis fl-arja minn impjanti kbar tal-kombustjoni;
—
tikkundanna lil Ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq għall-ispejjeż.
Motivi u argumenti prinċipali
Il-Kummissjoni tqis li r-Renju Unit naqas milli jwettaq l-obbligu tiegħu li japplika korrattement l-Artikolu 4(3), moqri flimkien mal-Parti A tal-Anness VI La tad-Direttiva 2001/80/KE dwar il-limitazzjoni ta’ l-emissjonijiet ta’ ċerti tniġġis fl-arja minn impjanti kbar tal-kombustjoni f’dak li jirrigwarda l-impjant “Aberthaw Power Station”. L-Aberthaw Power Station, li hija ċentrali elettrika li taħdem bil-faħam b’kapaċità termika nominali ta’ 4 090 MWth u li taqa’ għaldaqstant fil-kategorija ta’ impjanti li għandhom kapaċità superjuri għal 500 MWth, teċċedi l-limitu ta’ emissjoni applikabbli għall- ossidi tan-nitroġenu (NOx) skontt għall-Artikolu 4(3) tad-direttiva imsemmija iktar ’il fuq, moqri flimkien mal-Artikolu 14(1)(a) u l-Parti A tal-Anness. Skont id-dispożizzjonijiet applikabbli, mill-1 ta’ Jannar 2008, ir-Renju Unit għandu d-dmir li jiżgura ruħu li impjant ta’ din il-kapaċità ma jeċċedix il-limitu ta’ 500 mg/Nm3 għan-NOx, imnaqqas għal 200 mg/Nm3 minn Jannar 2016. Madankollu, il-limitu ta’ emissjonijiet tal-impjant kif stabbilit fl-awtorizzazzjoni tal-impjant hija attwalment ta’ 1 050 mg/Nm3 għan-NOx.
(1) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 6, p. 299
Full & Egal Universal Law Academy