24.8.2015
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 279/24
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Audiencia Provincial de Alicante (Spanja) fil-25 ta’ Ġunju 2015 – Banco Popular Español, S.A. vs Emilio Irles López u Teresa Torres Andreu
(Kawża C-308/15)
(2015/C 279/30)
Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol
Qorti tar-rinviju
Audiencia Provincial de Alicante
Partijiet fil-kawża prinċipali
Rikorrent: Banco Popular Español, S.A
Konvenuti: Emilio Irles López uTeresa Torres Andreu
Domandi preliminari
1)
Il-fatt li l-effetti ta’ ħlas lura li jirriżultaw mid-dikjarazzjoni ta’ nullità minħabba n-natura inġusta ta’ klawżola dwar rata ta’ interessi minima li ddaħħlet f’kuntratt ta’ self ma japplikawx retroattivament fid-data ta’ konklużjoni tal-kuntratt iżda f’data sussegwenti huwa kompatibbli mal-prinċipju ta’ assenza ta’ natura vinkolanti rikonoxxut fl-Artikolu 6(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE, tal-5 ta’ April 1993 (1), dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur?
2)
Il-kriterju ta’ bona fide tal-oqsma kkonċernati li fuqu hija bbażata l-limitazzjoni tal-effett retroattiv li tirriżulta minn klawżola inġusta, huwa kunċett awtonomu tad-dritt tal-Unjoni li għandu jiġi interpretat b’mod uniformi mill-Istati Membri kollha?
3)
Fil-każ ta’ risposta affermativa, liema rekwiżiti għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni biex tiġi ddeterminata l-eżistenza tal-bona fide tal-oqsma kkonċernati?
4)
Fi kwalunkwe każ, l-aġir tal-bejjiegħ jew fornitur fir-redazzjoni tal-kuntratt, li ta lok għan-nuqqas ta’ trasparenza li kien fl-oriġini tan-natura inġusta tal-klawżola, huwa konformi mal-bona fide tal-oqsma kkonċernati?
5)
Ir-riskju ta’ diffikultajiet serji li fuqu hija bbażata l-limitazzjoni tal-effett retroattiv li jirriżulta minn klawżola inġusta, huwa kunċett awtonomu tad-dritt tal-Unjoni li għandu jiġi interpretat b’mod uniformi mill-Istati Membri kollha?
6)
Fil-każ ta’ risposta affermativa, liema kriterji għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni?
7)
Ir-riskju ta’ diffikultajiet serji, għandu jiġi evalwat billi jittieħed biss inkunsiderazzjoni dak ir-riskju li jista’ jirriżulta għall-bejjiegħ jew fornitur jew għandu jittieħed ukoll inkunsiderazzjoni d-dannu li jiġi kkawżat lill-konsumaturi minħabba n-nuqqas ta’ ħlas lura sħiħ tal-ammonti mħallsa skont l-imsemmija klawżola dwar rata ta’ interessi minima?
8)
L-estensjoni awtomatika tal-istess limitazzjoni tal-effetti ta’ ħlas lura li jirriżultaw min-nullità ta’ klawżola dwar rata ta’ interessi minima ddikjarata fi ħdan proċedura mressqa minn assoċjazzjoni ta’ konsumaturi kontra entitajiet finanzjarji, għal azzjonijiet individwali ta’ nullità ta’ klawżola dwar rata ta’ interessi minima, minħabba li hija inġusta, imressqa mill-klijenti-konsumaturi li kkonkludew kuntratt ta’ self ipotekarju ma varji entitajiet finanzjarji hija kompatibbli mal-prinċipju ta’ assenza ta’ natura vinkolanti tal-klawżoli inġusti fir-rigward tal-konsumatur hekk kif irrikonoxxut fl-Artikolu 6(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE, u mad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva rrikonoxxut fl-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (2)?
(1) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 288.
(2) ĠU 2000, C 364, p. 1
Full & Egal Universal Law Academy