7.9.2015
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 294/42
Appell ippreżentat fis-6 ta’ Lulju 2015 mill-Ombudsman Ewropew mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (Ir-Raba’ Awla) fid-29/04/2015 fil-Kawża T-217/11, Staelen vs L-Ombudsman Ewropew
(Kawża C-337/15 P)
(2015/C 294/54)
Lingwa tal-kawża: il-Franċiż
Partijiet
Appellant: L-Ombudsman Ewropew (rappreżentant: G. Grill, aġent)
Parti oħra fil-proċedura: Claire Staelen
Talbiet
B’mod prinċipali:
—
tannulla s-sentenza tal-Qorti Ġenerali fil-Kawża T-217/11 (1) sa fejn hija tikkonkludi (a) li l-Ombudsman wettaq diversi atti illegali li jikkostitwixxu ksur suffiċjentement serju tad-dritt tal-Unjoni, (b) li r-realtà ta’ dannu morali ġiet stabbilita u (c) li hemm rabta kawżali bejn l-atti illegali identifikati mill-Qorti Ġenerali u dan id-dannu morali u (2) sa fejn hija tikkundanna lill-Ombudsman għall-ħlas ta’ danni ta’ EUR 7 000;
—
tiċħad ir-rikors bħala infondat sa fejn is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tiġi annullata;
b’mod sussidjarju,
—
tirrinvija l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali sa fejn is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tiġi annullata; u
—
tiddeċiedi fuq l-ispejjeż b’mod ġust u ekwu.
Aggravji u argumenti prinċipali
Insostenn tal-appell tiegħu, l-Ombudsman jinvoka aggravji bbażati fuq diversi żbalji ta’ liġi.
Fl-ewwel lok, huwa jqis li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta qieset li sempliċi ksur tal-prinċipju ta’ diliġenza huwa biżżejjed sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ ksur suffiċjentement serju. L-Ombudsman iqis li din it-teżi tal-Qorti Ġenerali ma hijiex kompatibbli mal-ġurisprudenza fil-qasam tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali, li titlob li jiġi stabbilit ksur suffiċjentement serju ta’ dispożizzjoni legali intiża sabiex tagħti drittijiet lill-individwi u li tenfasizza li l-kriterju deċiżiv li jippermetti l-kunsiderazzjoni li din il-kundizzjoni hija ssodisfatta huwa dak tal-ksur manifest u serju mill-istituzzjoni kkonċernata tal-limiti imposti fuq is-setgħa diskrezzjonali tagħha. Il-Qorti Ġenerali tonqos milli tieħu inkunsiderazzjoni n-natura speċifika tal-funzjoni tal-Ombudsman u b’mod partikolari, il-fatt li dan tal-aħħar għandu marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ ħafna fir-rigward tal-kondotta ta’ investigazzjonijiet.
Fit-tieni lok, l-Ombudsman jikkontesta wkoll l-interpretazzjoni tal-Qorti Ġenerali dwar il-fatt li, meta huwa jwettaq investigazzjoni, u istituzzjoni tagħtih spjegazzjoni li jidhirlu li hija konvinċenti, dan il-fatt ma jeżentahx mir-responsabbiltà tiegħu li jiżgura ruħu li l-fatti li fuqhom hija bbażata din l-ispjegazzjoni huma stabbiliti, b’mod partikolari meta l-imsemmija spjegazzjoni tikkostitwixxi l-unika bażi għall-konstatazzjoni tiegħu ta’ assenza ta’ amministrazzjoni ħażina. L-Ombudsman iqis fil-fatt li l-istituzzjonijiet huma marbuta jipprovduh b’informazzjoni korretta u li huwa għaldaqstant raġonevoli li huwa jibbaża l-konklużjonijiet tiegħu fuq l-informazzjoni mibgħuta lilu, sakemm ma jkunx hemm provi li jkollhom mnejn jikkontestaw l-affidabbiltà tal-informazzjoni mibgħuta. Minn din il-perspettiva, l-Ombudsman isostni li ma kien l-ebda raġuni għall-biża’ li l-informazzjoni mibgħuta ma kinitx tikkorrispondi mal-fatti.
Fit-tielet lok, minkejja li l-Ombudsman jaqbel mal-konstatazzjoni tal-Qorti Ġenerali, skont liema ċerti risposti tal-Ombudsman ġew ifformulati f’terminu mhux raġonevoli, l-Ombudsman jikkontesta li dan il-ksur tad-dritt tal-Unjoni li huwa allegat li wettaq jista’ jiġi kklassifikat bħala suffiċjentement serju. Konsegwentement, ma tistax tqum ir-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni.
Fir-raba’ lok, l-Ombudsman iqis li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ma tat l-ebda spjegazzjoni rigward il-klassifikazzjoni tad-dannu lill-aspettattivi li C. Staelen għandha fl-uffiċċju tal-Ombudsman bħala dannu morali.
Fl-aħħar lok, l-Ombudsman jikkontesta l-eżistenza tar-rabta kawżali bejn l-atti illegali li huma imputati lilu u t-telf tal-aspettattivi li C. Staelen kellha fl-uffiċċju tiegħu.
Full & Egal Universal Law Academy