7.9.2015
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 294/44
Appell ippreżentat fl-10 ta’ Lulju 2015 mill-Kummissjoni Ewropea mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (Ir-Raba’ Awla) fid-29 ta’ April 2015 fil-Kawża T-470/11, Total u Elf Aquitaine vs Il-Kummissjoni
(Kawża C-351/15 P)
(2015/C 294/56)
Lingwa tal-kawża: il-Franċiż
Partijiet
Appellanti: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: V. Bottka u F. Dintilhac, aġenti)
Partijiet oħra fil-proċedura: Total SA, Elf Aquitaine SA
Talbiet
—
tannulla s-sentenza appellata tal-Qorti Ġenerali fil-Kawża T-470/11, tad-29 ta’ April 2015,
—
tiddikjara inammissibbli r-rikors ippreżentat quddiem il-Qorti Ġenerali,
—
tikkundanna lill-konvenuti fl-appell għall-ispejjeż kollha relatati mal-proċedura preżenti u mal-proċedura fl-ewwel istanza.
Aggravji u argumenti prinċipali
Insostenn tal-appell tagħha, il-Kummissjoni tinvoka t-tliet aggravji li ġejjin.
Skont l-ewwel u t-tieni aggravji, is-sentenza appellata b’mod żbaljat tiċħad l-inammissibbiltà tar-rikors invokata mill-Kummissjoni. Fil-kuntest tal-ewwel aggravju, il-Kummissjoni ssostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta qieset li l-ittri tal-kontabilista tal-Kummissjoni, tal-24 ta’ Ġunju u tat-8 ta’ Lulju 2011, jipproduċu effetti legali vinkolanti. L-ittri tal-kontabilista fil-fatt huma sempliċi talbiet għal ħlas b’eżekuzzjoni tad-deċiżjoni Metakrilati u li jlestu t-triq għal eżekuzzjoni forzata possibbli tagħha wara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali fil-Kawża T-217/06 (1) li naqqset l-ammont tal-multa imposta fuq Arkema filwaqt li s-sentenza tal-istess jum fil-Kawża T-206/06 (2) (iktar tard ikkonfermata bid-digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-Kawża C-421/11 P (3)) żammet il-multi imposti fuq il-konvenuti. L-ittri tal-kontabilista għad ma humiex l-eżekuzzjoni forzata u għaldaqstant ma jistabbilixxux “pożizzjoni definittiva” tal-Kummissjoni. Barra minn hekk, l-ittri tal-kontabilista ma jipproduċux effetti legali vinkolanti distinti minn dawk tad-deċiżjoni Metakrilati, liema deċiżjoni ma għadhiex kontestabbli wara li l-konvenuti eżawrixxew ir-rimedji ġudizzjarji. It-tieni aggravju huwa bbażat fuq il-fatt li s-sentenza appellata ma tosservax il-prinċipji ta’ lis alibi pendens u ta’ res judicata, li jirriżulta mid-digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-Kawża C-421/11 P.
Fl-aħħar nett, it-tielet aggravju, dwar il-kontradizzjoni tal-motivi, huwa ppreżentat b’mod sussidjarju, għall-każ fejn il-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad l-ewwel u t-tieni aggravji. Il-Qorti Ġenerali b’mod żbaljat ikkonstatat fil-punt 113 li d-drittijiet tal-Kummissjoni kemm fir-rigward ta’ Arkema kif ukoll fir-rigward tal-konvenuti li kellhom obbligi in solidum, kienu ssodisfatti, filwaqt li l-Qorti Ġenerali b’mod korrett kienet osservat, fil-punt 9, li Arkema kien jiddispjaċieha li ma setgħetx tawtorizza lill-Kummissjoni sabiex iżżomm xi somma fl-ipoteżi li l-azzjoni tagħha quddiem il-qorti komunitarja tkun ta’ suċċess. Din il-kontradizzjoni ta’ motivi taffettwa r-raġunament tal-Qorti Ġenerali fuq il-mertu tal-kawża u tikkostitwixxi motiv suffiċjenti ta’ annullament tas-sentenza appellata.
(1) ECLI:EU:T:2011:251.
(2) ECLI:EU:T:2011:250.
(3) ECLI:EU:C:2012:60.
Full & Egal Universal Law Academy