19.10.2015
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 346/4
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Hoge Raad der Nederlanden (il-Pajjiżi l-Baxxi) fit-13 ta’ Lulju 2015 – College van Burgemeester en Wethouders van de gemeente Amersfoort vs X
(Kawża C-360/15)
(2015/C 346/04)
Lingwa tal-kawża: l-Olandiż
Qorti tar-rinviju
Hoge Raad der Nederlanden
Partijiet fil-kawża prinċipali
Rikorrenti: College van Burgemeester en Wethouders van de gemeente Amersfoort
Konvenuta: X BV
Domandi preliminari
1)
L-Artikolu 2(3) tad-Direttiva 2006/123/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-12 ta’ Diċembru 2006, dwar is-servizzi fis-suq intern (1), għandu jiġi interpretat fis-sens li din id-dispożizzjoni tapplika għall-ġbir ta’ [tariffi msejħa] “leges” minn korp ta’ Stat Membru għall-ipproċessar ta’ applikazzjoni għal awtorizzazzjoni li tikkonċerna il-waqt, il-post u l-modalitajiet ta’ eżekuzzjoni ta’ xogħlijiet ta’ tħaffir marbuta mal-installazzjoni ta’ kejbils għal netwerk pubbliku ta’ komunikazzjoni elettronika?
2)
Il-Kapitolu III tad-Direttiva 2006/123/KE, dwar is-servizzi fis-suq intern, għandu jiġi interpretat fis-sens li japplika wkoll f’sitwazzjonijiet purament interni?
3)
Id-Direttiva 2006/123/KE, dwar is-servizzi fis-suq intern, għandha tiġi interpretata, fid-dawl tal-premessa 9 tagħha, fis-sens li ma tapplikax għal regoli tad-dritt nazzjonali li jeżigu li l-intenzjoni li jsiru xogħlijiet ta’ tħaffir marbuta mal-installazzjoni, mal-manutenzjoni jew mat-tneħħija ta’ kejbils għal netwerk pubbliku ta’ komunikazzjoni elettronika għandha titħabbar lis-sindku u lill-membri tal-kunsill u li abbażi tagħhom, is-sindku u lill-membri tal-kunsill għandhom kompetenza mhux sabiex jipprojbixxu x-xogħlijiet imħabbra iżda sabiex jimponu kundizzjonijet għal dak li jikkonċerna l-post, il-waqt u l-modalitajiet ta’ eżekuzzjoni tax-xogħlijiet, kif ukoll għal dak li jikkonċerna l-promozzjoni tal-użu kondiviż tat-tagħmir u l-koordinazzjoni dwar ix-xogħlijiet mal-koordinaturi ta’ xogħlijiet oħra preżenti fl-art?
4)
L-Artikolu 4, fil-parti inizjali u fil-paragrafu (6) tad-Direttiva 2006/123/KE, dwar is-servizzi fis-suq intern, għandu jiġi interpretat fis-sens li din id-dispożizzjoni tapplika għal deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni dwar il-post, il-waqt u l-modalitajiet ta’ eżekuzzjoni ta’ xogħlijiet ta’ tħaffir marbuta mal-installazzjoni ta’ kejbils għal netwerk pubbliku ta’ komunikazzjoni elettronika minkejja li l-korp ikkonċernat tal-Istat Membru ma huwiex kompetenti sabiex jipprojbixxi t-twettiq stess ta’ dawn ix-xogħlijiet?
5)
(A)
Jekk, fid-dawl tar-risposti għad-domandi preċedenti, l-Artikolu 13(2) tad-Direttiva 2006/123/KE, dwar is-servizzi fis-suq intern, japplika f’dan il-każ, din id-dispożizzjoni għandha effett dirett?
(B)
Jekk id-domanda 5(A) għandha tingħata risposta pożittiva, l-Artikolu 13(2) tad-Direttiva 2006/123/KE, dwar is-servizzi fis-suq intern, jimplika li t-taxxi li għandhom ikunu dovuti [mill-applikanti] jistgħu jiġu kkalkolati abbażi tal-ispejjeż stmati tal-proċeduri ta’ applikazzjoni kollha jew tal-applikazzjonijiet kollha bħal dik inkwistjoni hawnhekk jew tal-applikazzjonijiet meħuda individwalment?
(C)
Jekk id-domanda 5(A) għandha tingħata risposta pożittiva, skont liema kriterji l-ispejjeż indiretti u spejjeż fissi għandhom, fid-dawl tal-Artikolu 13(2) tad-Direttiva 2006/123/KE, dwar is-servizzi fis-suq intern, jiġu imposti fuq l-applikazzjonijiet għal awtorizzazzjoni konkreti?
(1) ĠU 2006, L 376, p. 36.
Full & Egal Universal Law Academy