14.9.2015
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 302/26
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Audiencia Provincial de Zamora (Spanja) fis-17 ta’ Lulju 2015 – Javier Ángel Rodríguez Sánchez vs Caja España de Inversiones, Salamanca y Soria SAU (Banco CEISS)
(Kawża C-381/15)
(2015/C 302/33)
Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol
Qorti tar-rinviju
Audiencia Provincial de Zamora
Partijiet fil-kawża prinċipali
Rikorrent: Javier Ángel Rodríguez Sánchez
Konvenut: Caja España de Inversiones, Salamanca y Soria SAU (Banco CEISS)
Domandi preliminari
1)
Il-fatt li l-konstatazzjoni ta’ nullità minħabba n-natura inġusta tal-klawżola dwar rata ta’ interessi minima li ddaħħlet fil-kuntratt ipotekarju, tipproduċi retroattivament l-effetti tagħha mhux fid-data ta’ konklużjoni tal-kuntratt iżda f’data sussegwenti, huwa kompatibbli mad-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE (1), tal-5 ta’ April 1993, dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur?
2)
L-applikazzjoni tal-klawżola inġusta matul il-perijodu ta’ żmien stabbilit mill-Qorti Suprema tagħna tagħti lok għal arrikkiment indebitu favur il-parti kontraenti li hija bejjiegħ jew fornitur mhux previst mil-leġiżlazzjoni Komuntarju, peress li ma tistabbilixxix mill-ġdid l-ekwilibriju tal-provvista tas-servizzi bejn il-partijiet u tagħti vantaġġ lill-parti kontraenti li introduċiet il-klawżola finanzjarja ddikjarata inġusta?
3)
Ir-riskju ta’ tfixil serju għall-ekonomija nazzjonali bħala limitazzjoni fl-applikazzjoni u effetti ta’ klawżola, japplika għal kawża individwali mressqa minn konsumatur jew bil-kontra, f’din il-kawża individwali, dan it-tfixkil serju huwa dak ikkawżat lis-sitwazzjoni finanzjarja tal-konsumatur minħabba l-limitazzjoni tal-effetti tal-klawżola nulla għall-perijodu ta’ żmien indikat?
(1) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 288.
Full & Egal Universal Law Academy