26.10.2015
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 354/19
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Juzgado de lo Social no 33 de Barcelona (Spanja) fit-22 ta’ Lulju 2015 – Mohamed Daouidi vs Bootes Plus S.L.
(Kawża C-395/15)
(2015/C 354/22)
Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol
Qorti tar-rinviju
Juzgado de lo Social no 33 de Barcelona
Partijiet fil-kawża prinċipali
Rikorrent: Mohamed Daouidi
Konvenuti: Bootes Plus S.L., Fondo de Garantía Salarial u Ministerio Fiscal
Domandi preliminari
1)
Il-projbizzjoni ta’ kwalunkwe diskriminazzjoni stabbilita fl-Artikolu 21(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (1) għandha tiġi interpretata fis-sens li tista’ tinkludi fil-kamp ta’ projbizzjoni u ta’ protezzjoni tagħha d-deċiżjoni ta’ impriża li tkeċċi ħaddiem, li sa dak il-mument kien stmat professjonalment, sempliċement minħabba l-fatt li, għal żmien indeterminat, jinsab f’sitwazzjoni ta’ inkapaċità temporanja minħabba inċident fuq il-post tax-xogħol meta qiegħed isegwi trattament mediku u jirċievi allowances tas-sigurtà soċjali?
2)
L-Artikolu 30 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea għandu jiġi interpretat fis-sens li l-protezzjoni li jibbenefika minnha ħaddiem vittma ta’ tkeċċija manifestament arbitrarja u infondata għandha tkun prevista fil-leġiżlazzjoni nazzjonali għal kull tkeċċija li tikser dritt fundamentali?
3)
Id-deċiżjoni ta’ impriża li tkeċċi ħaddiem, sa dak il-mument stmat professjonalment, sempliċement minħabba l-fatt li, għal żmien indeterminat, jinsab f’sitwazzjoni ta’ inkapaċità temporanja minħabba inċident fuq il-post tax-xogħol meta qiegħed jieħu trattament mediku u jirċievi allowances tas-sigurtà soċjali, taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikoli 3, 15, 31, 34(1) u35(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (jew taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ wieħed jew iktar minnhom biss)?
4)
F’każ ta’ risposta fl-affermattiv għat-tliet domandi preċedenti (jew għal waħda minnhom) u fl-ipoteżi fejn il-Qorti tal-Ġustizzja taqta’ u tiddeċiedi li d-deċiżjoni li jitkeċċa ħaddiem, sa dak il-mument stmat professjonalment, sempliċement minħabba l-fatt li, għal żmien indeterminat, jinsab f’sitwazzjoni ta’ inkapaċità temporanja minħabba inċident fuq il-post tax-xogħol, meta qiegħed jieħu trattament mediku u jirċievi allowances tas-sigurtà soċjali, jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ wieħed jew iktar mill-artikoli tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, il-qorti nazzjonali tista’ tapplika dawn l-artikoli sabiex tiddeċiedi tilwima bejn individwi, jew għaliex, skont jekk huwiex każ ta’ “dritt” jew ta’ “prinċipju”, dawn għandhom jingħataw effett orizzontali jew għaliex għandu jiġi applikat il-“prinċipju ta’ interpretazzjoni konformi”?
5)
F’każ ta’ risposta negattiva għall-erba’ domandi preċedenti, id-deċiżjoni tal-impriża li tkeċċi ħaddiem, sa dak il-mument stmat professjonalment, sempliċement minħabba l-fatt li, għal żmien indeterminat, jinsab f’sitwazzjoni ta’ inkapaċità temporanja minħabba inċident fuq il-post tax-xogħol taqa’ taħt il-kunċett ta’ “diskriminazzjoni diretta bbażata fuq diżabiltà” bħala raġuni ta’ diskriminazzjoni msemmija fl-Artikoli 1, 2 u 3 tad-Direttiva 2000/78/KE (2)?
(1) ĠU 2000, C 364, p. 1.
(2) Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE, tas-27 ta’ Novembru 2000, li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 4, p. 79).
Full & Egal Universal Law Academy