19.10.2015
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 346/9
Appell ippreżentat fl-10 ta’ Awwissu 2015 mill-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI) mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (It-Tielet Awla) fl-4 ta’ Ġunju 2015 fil-Kawża T-222/14, Deluxe Laboratories vs UASI (Deluxe)
(Kawża C-437/15 P)
(2015/C 346/11)
Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol
Partijiet
Appellant: L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI) (rappreżentant: S. Palmero Cabezas, aġent)
Parti oħra fil-proċedura: Deluxe Laboratories, Inc.
Talbiet
—
tannulla s-sentenza appellata
—
tikkundanna lir-rikorrenti quddiem il-Qorti Ġenerali għall-ispejjeż.
Aggravji u argumenti prinċipali
L-UASI jqis li s-sentenza appellata għandha tiġi annullata sa fejn il-Qorti Ġenerali kisret l-ewwel sentenza tal-Artikolu 75 tar-Regolament Nru 207/2009 (1) flimkien mal-Artikolu 7(1)(b) u (2) tal-istess regolament, għar-raġunijiet spjegati fid-dettall iktar ’il quddiem, u li jistgħu jinġabru fil-qosor kif ġej:
1.
Il-Qorti Ġenerali żbaljat meta eskludiet il-possibbiltà ta’ motivazzjoni globali fir-rigward ta’ prodotti u servizzi differenti, meta l-perċezzjoni tas-sinjal fir-rigward ta’ kull wieħed minnhom hija uniformi u, konsegwentement, il-motivazzjoni li tapplika fir-rigward ta’ kull wieħed minnhom ma tinbidilx.
2.
Il-fatt li l-UASI jkun obbligat jirrepeti b’mod sistematiku l-istess motivazzjoni għal kull wieħed mill-prodotti jew servizzi, jew kategoriji omoġenji ta’ prodotti jew servizzi, ikun ifisser li d-dmir ta’ motivazzjoni jsir obbligu purament formali.
3.
Il-Bord identifika espliċitament ir-raġunijiet li għalihom is-sinjal, b’konnessjoni ma’ kwalsiasi mill-prodotti u servizzi li għalihom saret applikazzjoni, kellu jinftihem biss bħala indikazzjoni tal-kwalità superjuri ta’ dak il-prodott jew servizz.
4.
Huwa biżżejjed li l-prodotti u s-servizzi jkollhom karatteristika komuni sabiex ikun possibbli li tingħata motivazzjoni waħda għal kollha kemm huma, jekk is-sinjal ma jkollux karattru distintiv b’riżultat ta’ din il-karatteristika. F’dan il-każ, il-karatteristika komuni hija li kull wieħed mill-prodotti u s-servizzi kkonċernati, mingħajr eċċezzjoni, x’aktarx li jkunu ta’ kwalità pjuttost għolja, b’tali mod li l-indikazzjoni ta’ kwalità ogħla tiġi pperċepita fir-rigward tagħhom kollha u ta’ kull wieħed minnhom, bħala sempliċi argument biex iħeġġeġ il-bejgħ.
5
Il-Qorti Ġenerali wettqet żball meta interpretat b’mod żbaljat il-kunċett ta’ kategorija ta’ prodotti jew servizzi “suffiċjentement omoġenji” stabbilit fil-ġurisprudenza, li wassalha sabiex tillimita indebitament il-kriterji għall-evalwazzjoni tagħha. F’dan il-każ, il-karatteristika komuni identifikata mill-Bord tippermetti li jitqies li l-prodotti u s-servizzi li għalihom saret applikazzjoni jifformaw kategorija suffiċjentement omoġenja li tippermetti motivazzjoni globali.
6.
Is-sentenza appellata ma hijiex konformi mal-ġurisprudenza eżistenti, b’mod partikolari mas-sentenza tal-11 ta’ Diċembru 2014, Kawża C-253/14 P, FTI Touristik GmbH vs UASI, (BigXtra), EU:C:2014:2445.
(1) Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009, tas-26 ta’ Frar 2009, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU L 78, p. 1).
Full & Egal Universal Law Academy