16.11.2015
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 381/14
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Tribunale Amministrativo Regionale per il Veneto (l-Italja) fis-17 ta’ Awwissu 2015 – Associazione Italia Nostra Onlus vs Comune di Venezia et
(Kawża C-444/15)
(2015/C 381/17)
Lingwa tal-kawża: it-Taljan
Qorti tar-rinviju
Tribunale Amministrativo Regionale per il Veneto
Partijiet fil-kawża prinċipali
Rikorrenti: Associazione Italia Nostra Onlus
Konvenuti: Comune di Venezia, Ministero per i beni e le attività culturali, Regione del Veneto, Ministero delle Infrastrutture e dei Trasporti, Ministero della Difesa Capitaneria di Porto di Venezia, Agenzia del Demanio
Domandi preliminari
1)
L-Artikolu 3(3) tad-Direttiva 2001/42/KE (1), fil-parti li tirreferi wkoll għad-dispożizzjoni li tinsab fil-paragrafu 2(b) tal-istess artikolu, huwa validu, fid-dawl tal-leġiżlazzjoni fil-qasam tal-ambjent li tinsab fit-TFUE kif ukoll fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, sa fejn dan jeżenta minn stima strateġika tal-effetti fuq l-ambjent sistematika l-pjanijiet u l-programmi li fir-rigward tagħhom tqies li kellhom neċessarjament jiġu suġġetti għal stima tal-effetti, fis-sens tal-Artikoli 6 u 7 tad-Direttiva 92/43/KEE (2)?
2)
Il-paragrafi 2 u 3 tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2001/42/KE, moqrija flimkien mal-premessa 10 tal-istess direttiva, li tgħid li “l-pjani u l-programmi kollha li ġew stabbiliti li jeħtieġu stima bis-saħħa tad-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE tal-21 ta’ Mejju 1992 dwar il-konservazzjoni ta’ ambjent naturali u ta’ flora u fawna selvaġġa, li x’aktarx ikollhom effetti sinifikanti fuq l-ambjent, u għandhom bħala regola jsiru suġġetti għall-stima sistematika ambjentali” għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni bħal-leġiżlazzjoni nazzjonali li, sabiex tiddefinixxi l-kunċett ta’ “żoni żgħar fil-livell lokali” li jinsab fl-Artikolu 3(3) tad-Direttiva 2001/42/KE, tagħmel riferiment għal kriterji purament kwantitattivi?
3)
Il-paragrafi 2 u 3 tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2001/42/KE, moqrija flimkien mal-għaxar premessa tal-istess direttiva, li tgħid li “l-pjani u l-programmi kollha li ġew stabbiliti li jeħtieġu stima bis-saħħa tad-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE tal-21 ta’ Mejju 1992 dwar il-konservazzjoni ta’ ambjent naturali u ta’ flora u fawna selvaġġa, li x’aktarx ikollhom effetti sinifikanti fuq l-ambjent, u għandhom bħala regola jsiru suġġetti għall-stima sistematika ambjentali” għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni bħal-leġiżlazzjoni nazzjonali li teżenta minn stima strateġika tal-effetti fuq l-ambjent awtomatika u obbligatorja l-proġetti kollha ta’ żvilupp ta’ żoni urbani, ġodda jew li qed jiġu estiżi, fejn is-superfiċi kkonċernata ma tkunx ta’ iktar minn 40 ettaru jew il-proġetti ta’ riabilitazzjoni jew ta’ żvilupp ta’ żoni urbani, fi ħdan iż-żoni urbani eżistenti, fejn is-superfiċi kkonċernata ma tkunx ta’ iktar minn 10 ettari, anki jekk, minħabba l-possibbiltà ta’ effetti fuq is-siti, diġà tqies li dawn kellhom neċessarjament jiġu suġġetti għal stima tal-effetti, fis-sens tal-Artikoli 6 u 7 tad-Direttiva 92/43/KEE?
(1) Direttiva 2001/42/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-27 ta’ Ġunju 2001, dwar l-istima tal-effetti ta’ ċerti pjanijiet u programmi fuq l-ambjent (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 6, p. 157).
(2) Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE, tal-21 ta’ Mejju 1992, dwar il-konservazzjoni tal-habitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 102).
Full & Egal Universal Law Academy