7.12.2015
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 406/14
Appell ippreżentat fit-3 ta’ Settembru 2015 mill-Kummissjoni Ewropea mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (It-Tielet Awla) fl-24 ta’ Ġunju 2015 fil-Kawża T-527/13, L-Italja vs Il-Kummissjoni
(Kawża C-467/15 P)
(2015/C 406/15)
Lingwa tal-kawża: it-Taljan
Partijiet
Appellanti: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: V. Di Bucci u P. Němečková, aġenti)
Parti oħra fil-proċedura: Ir-Repubblika Taljana
Talbiet
—
tannulla s-sentenza tal-Qorti Ġenerali (It-Tielet Awla) tal-24 ta’ Ġunju 2015, innotifikata lill-Kummissjoni fl-istess jum, fil-Kawża T-527/13, Ir-Repubblika Taljana vs Il-Kummissjoni;
—
tiċħad ir-rikors ippreżentat fl-ewwel istanza u tikkundanna lir-Repubblika Taljana għall-ispejjeż taż-żewġ istanzi.
Aggravji u argumenti prinċipali
1)
Il-Qorti Ġenerali interpretat u kklassifikat mill-ġdid, b’mod illegali, it-tieni motiv ippreżentat fl-ewwel istanza. B’hekk, hija kisret il-prinċipju li s-suġġett tal-kawża huwa ddefinit mir-rikors u l-projbizzjoni li jitqajjem ex officio motiv li jikkonċerna l-legalità sostanzjali tad-deċiżjoni li ma jkunx tqajjem fl-istadju opportun mir-rikorrent stess fir-rikors.
2)
Il-Qorti Ġenerali kisret l-Artikolu 108 TFUE u l-Artikolu 1 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999 (1), fir-rigward tal-kunċetti ta’ għajnuna ġdida u ta’ għajnuna eżistenti. B’mod partikolari, hija qieset b’mod żbaljat li għajnuna tista’ titqies li hija eżistenti minkejja l-ksur ta’ kundizzjoni imposta mid-deċiżjoni li tiddikjaraha kompatibbli. B’hekk, il-Qorti Ġenerali naqset milli timxi mal-ġurisprudenza stabbilita li minnha jirriżulta li s-sempliċi ksur ta’ tali kundizzjonijiet jwassal għall-eżistenza ta’ għajnuna ġdida u, fl-assenza ta’ fatti ġodda li jistgħu jwasslu għal evalwazzjoni differenti, jiġġustifika deċiżjoni ġdida ta’ inkompatibbiltà.
Barra minn hekk, wara li ċaħdet debitament l-ilmenti marbuta ma’ allegat nuqqas ta’ motivazzjoni, il-Qorti Ġenerali kkontradixxiet tali evalwazzjoni billi sostniet li l-Kummissjoni ma kinitx stabbilixxiet li l-ksur tal-kundizzjoni kellu impatt fuq is-sostanza tal-iskema approvata mill-Kunsill, u għalhekk ikkonkludiet, b’mod żbaljat, li setgħet tannulla parzjalment id-deċiżjoni minħabba żball ta’ liġi.
Il-Qorti Ġenerali ma ħaditx debitament inkunsiderazzjoni l-bilanċ istituzzjonali bejn il-Kunsill u l-Kummissjoni stabbilit fl-Artikolu 108 TFUE. Meta l-Kunsill, b’deċiżjoni unanima, juża s-setgħa li jiddikjara għajnuna eċċezzjonalment kompatibbli mas-suq intern filwaqt li jissuġġetta tali dikjarazzjoni għall-osservanza ta’ kundizzjonijiet partikolari, ma huwiex il-kompitu tal-Kummissjoni li tiddetermina jekk dawn il-kundizzjonijiet humiex effettivament essenzjali jew jekk, għall-kuntrarju, jistax jiġi aċċettat ksur tagħhom.
3)
Il-Qorti Ġenerali kisret l-Artikolu 108 TFUE u l-Artikoli 4, 6, 7, 14 u 16 tar-Regolament Nru 659/1999 fir-rigward tal-proċeduri applikabbli għall-għajnuna ġdida u għall-għajnuna implementata b’mod abbużiv.
Wara li rrikonoxxiet li n-nuqqas ta’ osservanza, min-naħa ta’ Stat Membru, tal-kundizzjonijiet imposti meta ġiet approvata l-għajnuna jikkostitwixxi forma ta’ implementazzjoni abbużiva ta’ tali għajnuna, il-Qorti Ġenerali eskludiet ir-rilevanza tad-dispożizzjonijiet dwar il-proċedura għall-eżami tal-għajnuna implementata b’mod abbużiv fuq il-bażi tal-fatt li l-Kummissjoni ma bbażatx id-deċiżjoni tagħha fuq dawn id-dispożizzjoni u fuq il-bażi tal-kunsiderazzjoni li l-kunċetti ta’ għajnuna ġdida u ta’ għajnuna implementata b’mod abbużiv huma reċiprokament esklużivi. Madankollu, għall-finijiet ta’ dak li huwa rilevanti f’din il-kawża, id-dispożizzjonijiet dwar l-għajnuna implementata b’mod abbużiv huma identiċi għad-dispożizzjonijiet dwar l-għajnuna ġdida. B’hekk, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta annullat parzjalment id-deċiżjoni minħabba żball fil-klassifikazzjoni tal-għajnuna li ma kellu ebda konsegwenza legali.
(1) Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999, tat-22 ta’ Marzu 1999, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 93 tat-Trattat tal-KE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 339).
Full & Egal Universal Law Academy