16.11.2015
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 381/19
Appell ippreżentat fl-4 ta’ Settembru 2015 mis-Servizi assicurativi del commercio estero SpA (SACE) u mis-Sace BT SpA mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (Is-Seba’Awla) fil-25 ta’ Ġunju 2015 fil-Kawża T-305/13, SACE u Sace BT vs Il-Kummissjoni
(Kawża C-472/15 P)
(2015/C 381/23)
Lingwa tal-kawża: it-Taljan
Partijiet
Appellanti: Servizi assicurativi del commercio estero SpA (SACE), Sace BT SpA (rappreżentanti: M. Siragusa u G. Rizza, avukati)
Parti oħra fil-proċedura: Il-Kummissjoni Ewropea, Ir-Repubblika Taljana
Talbiet
SACE titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha tilqa’ dan l-appell u, billi tagħmel dan, tannulla d-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali kif tinsab fid-dispożittiv tas-sentenza appellata u tilqa, mingħajr ma tibgħat il-kawża lura quddiem il-Qorti Ġenerali, it-talbiet ippreżentati fir-rikors promotur, jiġifieri:
—
tannulla kompletament id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea C(2013) 1501 finali, tal-20 ta’ Marzu 2013, dwar il-miżuri SA.23425 implementati mill-Italja fl-2004 u fl-2009 favur is-SACE BT SpA,;
—
sussidjarjament, tannullaha parzjalment, b’mod limitat għall-motiv/i milqugħ/milqugħa; u
—
tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż tal-proċedura, inklużi dawk relatati mal-proċeduri għal miżuri provviżorji T-305/13R.
Aggravji u argumenti prinċipali
L-ewwel aggravju, dwar l-imputabbiltà lill-Istat Taljan tal-miżuri kontenzjużi: ksur tal-Artikolu 107(1) TFUE, kif interpretat mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha Stardust Marine (Kawża C-482/99); natura manifestament żbaljata tal-interpretazzjoni tal-punt 177(b)(i) tal-motivazzjoni tad-deċiżjoni; evalwazzjoni tal-fatti vvizzjata minn ineżattezzi materjali, fatt li jirriżulta mill-atti tal-proċess, u żnaturament tal-kontenut tad-deċiżjoni; inkonsistenza tal-motivazzjoni; integrazzjoni indebita tal-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata; applikazzjoni żbaljata tal-prinċipju li jgħid li l-legalità tad-deċiżjoni fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat għandha tiġi evalwata fid-dawl tal-informazzjoni li kienet disponibbli għall-Kummissjoni meta adottatha, fir-rigward taż-żewġ ittri li l-Ministeru tal-ekonomija u tal-Finanzi Taljan (iktar ’il quddiem il-“MEF”) bagħat lill-SACE S.p.A, prodotti mill-Gvern Taljan fl-anness għan-nota ta’ intervent tiegħu.
—
Is-sentenza appellata stabbiliet il-prinċipju li ġej: il-fatt li l-operazzjoni kontenzjuża ssegwi l-interessi tal-impriża pubblika li jikkoinċidu ma’ għan ta’ interess ġenerali ma jfissirx neċessarjament li din l-impriża setgħet tadotta d-deċiżjoni tagħha mingħajr ma tiħu inkunsiderazzjoni r-rekwiżiti tal-awtoritajiet pubbliċi. Skont il-Qorti Ġenerali, xejn ma jipprekludi lill-Istat milli jimponi fuq impriża pubblika l-obbligu li twettaq operazzjoni imprenditorjali li, anki jekk tista’ eventwalment tkun konformi mal-kriterju tal-investitur privat f’ekonomija tas-suq (il-“MEIP”), tibqa’ f’kull każ imputabbli lill-Istat. Għaldaqstant il-Kummissjoni ma hijiex obbligata, sabiex tissodisfaw ir-rekwiżit tal-imputabbiltà, li tipprova li l-imġieba tal-impriża pubblika kienet tkun differenti li kieku din tal-aħħar kienet aġixxiet b’mod indipendenti. B’dan ir-raġunament, il-Qorti Ġenerali tbiegħdet mill-prinċipji stabbiliti fis-sentenza Stardust Marine. Mid-deċiżjoni tagħha jirriżulta li s-sempliċi fatt li impriża pubblika tkun ikkontrollata mill-Istat u tkun suġġetta għal skema partikolari ta’ organizzazzjoni huwa, minnu nnifsu, suffiċjenti sabiex jiġi konkluż li l-awtoritajiet pubbliċi huma dejjem u f’kull każ, per definizzjoni, involuti fl-adozzjoni ta’ deċiżjonijiet ta’ intervent favur is-sussidjarji tal-imsemmija impriża. F’każ bħal dak inkwistjoni, l-imputabbiltà lill-Istat tista’ tiġi eskluża biss meta jkun ippruvat li l-Bord tad-Diretturi tal-kumpannija parent ikun ħa deċiżjoni li l-kontenut tagħha ma jippermettulhiex tkompli b’mod parallel issegwi wkoll interessi ta’ importanza ġenerali. F’dan il-każ, tali deċiżjoni setgħet tkun biss il-likwidazzjoni ta’ SACE BT, deċiżjoni li fir-rigward tagħha, per definizzjoni, il-Kummissjoni ma kellux ikollha oġġezzjonijiet. Jekk, min-naħa l-oħra, il-miżura adottata mill-impriża pubbliku tista’ b’mod astratt tikkorrispondi wkoll għal għan ta’ interess ġenerali jew ġiet adottata b’teħid inkunsiderazzjoni ta’ dan l-interess, għandu jiġi preżunt li l-Bord tad-Diretturi aġixxa b’dan il-mod għaliex fid-deċiżjoni tiegħu ma setax jinjora r-rekwiżiti tal-awtoritajiet pubbliċi, u ma huwiex permess jew possibbli li tiġi prodotta l-prova kuntrarja;
—
L-indizji ġenerali tal-imputabbiltà użati mill-Kummissjoni u approvati mill-Qorti Ġenerali ma jiħdux inkunsiderazzjoni l-livell ta’ awtonomija li biha l-Bord tad-Diretturi ta’ SACE SpA kien u għadu jeżerċita l-ġestjoni tal-impriża: u dan mhux biss jekk jittieħdu inkunsiderazzjoni b’mod separat, iżda anki jekk jittieħdu inkunsiderazzjoni fit-totalità tagħhom. Dawn l-indizji kienu jippermettu biss li jintwera l-fatt li fl-2009 l-Istat Taljan kien jikkontrolla lil SACE SpA sa fejn kien il-proprjetarju tal-azzjonijiet kollha. Is-sentenza Stardust Marine teżiġi, madankollu, li l-indizji li jistgħu jintużaw sabiex jiġi pprovat l-involviment tal-Istat ikunu marbuta mill-qrib mal-miżuri inkwistjoni, fid-dawl tal-portata tagħhom, tal-kontenut tagħhom u tal-kundizzjonijiet li jinvolvu. Is-sentenza appellata tirrikonoxxi espliċitament li l-indizji ta’ imputabbiltà użati fid-deċiżjoni – kollha (barra wieħed) relatati mal-attivitajiet ta’ SACE fl-assigurazzjoni tar-riskji mhux tas-suq, settur li fih SACE BT ma toperax – jirrigwardaw bil-kontra ta’ dan il-kuntest ġenerali li fih topera SACE SpA, iktar milli ċ-ċirkustanzi li jikkaratterizzaw il-każ preżenti u l-kuntest li fih ġew adottati l-miżuri kontenzjużi. Madankollu, il-Qorti Ġenerali naqset milli tiddikjara li tali indizji huma intrinsikament mhux adattati sabiex fuqhom tiġi bbażata direttament il-preżunzjoni tal-involviment konkret tal-Istat fl-adozzjoni tal-miżuri inkwistjoni. Billi għamlet dan, il-Qorti Ġenerali ffokat, fil-kuntest tal-eżami tal-imputabbiltà, fuq l-assjem tar-relazzjonijiet bejn l-istat u l-impriżi li huma konformi mal-mudell organizzattiv tal-impriżi pubbliċi – ikklassifikati espliċitament mil-liġi bħala kumpanniji b’responsabbiltà limitata, skont id-dritt Taljan – bil-konsegwenza li rrendiet irrilevanti kemm l-għan speċifiku, in-natura speċifika u l-kontenut speċifiku tal-miżuri inkwistjoni kif ukoll il-motivazzjoni konkreta li abbażi tagħha ġew adottati. Fil-verità, l-indizi użati mill-Kummissjoni jindikaw li huwa ferm improbabbli li kien hemm xi involviment tal-Istat fl-adozzjoni tal-miżuri kontenzjużi;
—
Min-naħa l-oħra, meta analizzat ir-rekwiżit ta’ imputabbiltà, il-Qorti Ġenerali injorat iċ-ċirkustanza mhux ikkontestata li, skont il-liġi, l-MEF ma jmexxix u ma jikkoordinax impriżi b’parteċipazzjoni pubblika, kif sostniet SACE fir-rikors billi ċċitat id-dispożizzjonijiet rilevanti. Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali wettqet żball meta applikat ħażin il-prinċipju li jgħid li l-legalità ta’ deċiżjoni fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat għandha tiġi evalwata fid-dawl tal-informazzjoni li kienet disponibbli għall-Kummissjoni meta adottatha, fir-rigward taż-żewġ ittri li l-MEF bagħat lill-SACE S.p.A, prodotti mill-Gvern Taljan fl-anness għan-nota ta’ intervent tiegħu. Fil-fatt, dawn l-ittri sempliċement jikkonfermaw il-prinċipju tal-awtonomija ta’ ġestjoni fir-relazzjoni MEF/SACE SpA, li kienet magħrufa sew mill-Kummissjoni, anki jekk biss għaliex dan kien ġie spjegat ripetutament mill-Gvern Taljan lill-Kummissjoni matul il-proċedura ta’ investigazzjoni formali miftuħa skont l-Artikolu 108(2) TFUE. Għalhekk, iż-żewġ dokumenti ġew invokati biss bħala konferma ta’ dak li diġà kien ġie allegat, u ma jinvolvu ebda bdil sinjifikattiv fl-elementi essenzjali tal-miżuri inkwistjoni.
It-tieni aggravju, ibbażat fuq l-assenza ta’ vantaġġ allegatament mogħti lil SACE BT mit-tieni miżura kontenzjuża: ksur tal-Artikolu 107(1) TFUE u applikazzjoni żbaljata tal-MEIP; evalwazzjoni fattwali li l-ineżattezza materjal tagħha tirriżulta mill-atti tal-proċess; distorsjoni tal-argument li jgħid li SACE SpA bbenefikat de facto minn żieda impliċita ta’ 5/12 tar-rata tal-kummissjoni rċevuta meta mqabbla ma’ dik imħallsa minn SACE BT lill-impriżi privati ta’ riassigurazzjoni; klassifikazzjoni żbaljata ta’ dan l-argument bħala “motiv ġdid” inammissibbli
—
Il-Qorti Ġenerali, bħall-Kummissjoni qabilha wriet nuqqas evidenti ta’ għarfien u ta’ fehim tad-dinamika tal-industrija tal-assigurazzjoni, b’riferiment partikolari għall-riassigurazzjoni li teċċedi d-dannu (Excess of Loss (XoL)), wettqet żbalji serji u manifesti billi kkonstatat fatti li l-ineżattezza materjali tagħhom tirriżulta mill-atti tal-proċess. L-espożizzjoni għar-riskju ta’ riassigurazzjoni li teċċedi l-aċċident ma tiżdidx meta l-parteċipazzjoni tar-riassiguratur fil-kopertura tkun għolja ħafna: dan għaliex parteċipazzjoni ikbar fit-trattat XOL tikkorrispondi għal kummissjoni rċevuta proporzjonali. Barra minn hekk, għar-riassiguratur ma hemmx żieda fir-riskju fil-każ li t-trasferent isib ruħu f’diffikultajiet finanzjarji minħabba li fi trattat XOL ir-riskju ta’ telf prinċipali għar-riassiguratur ma huwiex marbut mad-diffikultajiet tal-kumpannija li titrasferixxi, iżda mar-riskju ta’ insolvenza tax-xerrejja tal-persuni assigurati. Għandu jingħad ukoll li r-riskju ta’ inadempjenza tat-trasferent SACE BT, anki f’każ ta’ diffikultajiet finanzjarji, kien kompletament ineżistenti, peress li l-ħlas mill-kumpannija parent tal-kummissjoni għall-finijiet tas-sottoskrizzjoni tat-trattat ta’ riassigurazzjoni kien isir f’pagament wieħed minn qabel, b’tali mod li fl-assenza ta’ ħlas, il-kopertura ta’ riassigurazzjoni kienet sempliċiment ma tiġix attivata. It-trattat XOL inkwistjoni ma kienx jirrigwarda biss 25 % tar-riskji riassigurati minn SACE BT u, għalhekk, ma huwiex minnu li t-tieni trattat, li jipprevedi kummissjoni differenti, seta’ jiġi nnegozjati ma SACE SpA fir-rigward tal-bilanċ tal-kopertura ta’ riassigurazzjoni, kif iddikjarat fis-sentenza. Fl-aħħar nett, il-Qorti Ġenerali totalment żnaturat l-argument li jgħid li – peress li SACE SpA saret parti kontraenti għat-trattat, u għalhekk għall-kopertura ta’ riassigurazzjoni tar-riskji, biss mill-5 ta’ Ġunju 2009, għalkemm irċiviet bħala korrispettiv kummissjoni kkalkolata fuq bażi annwali – l-imsemmija kumpannija bbenefikat, fil-fatt, minn żieda impliċita ta’ 5/12 mir-rata tal-kummissjoni rċevuta meta mqabbla ma’ dik imħallsa minn SACE BT lill-impriżi privati ta’ riassigurazzjoni, bħala korrispettiv għall-perijodu ta’ riskju li diġà għadda mingħajr ma seħħew aċċidenti. Peress li dawn iċ-ċirkustanzi jirriżultaw mid-deċiżjoni kkontestata, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ddikjarat li dawn ma kinux inġiebu għall-attenzjoni tal-Kummissjoni matul il-proċedura amministrattiva. Peress li SACE kienet illimitat ruħha li tagħmel – fil-kuntest tat-tieni motiv tagħha u sabiex telabora dan il-motiv – argument ta’ prova ulterjuri tal-assenza tar-rekwiżit sostanzjali tal-vantaġġ, il-Qorti Ġenerali żbaljatament ikklassifikat l-argument inkwistjoni bħala motiv ġdid inammissibbli.
It-tielet aggravju, ibbażat fuq l-assenza ta’ vantaġġ allegatament mogħti lil SACE BT mit-tielet u mir-raba’ miżuri kontenzjużi: ksur tal-Artikolu 107(1) TFUE u applikazzjoni żbaljata tal-MEIP; integrazzjoni indebita tal-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata
—
Il-Bord tad-Diretturi ta’ SACE S.p.A. aġixxa b’mod analogu ħafna għall-ġestjoni ta’ operaturi privati oħra, li, fid-dawl tal-livell għoli ta’ inċertezza u ta’ urġenza li kien jeżisti fis-suq fl-2009, kienu wettqu injezzjonijiet analogi ta’ kapital f’kumpanniji kkontrollati minnhom, minkejja l-assenza ta’ previżjonijiet għal-likwidità futura li kienu jsostnu, mill-perspettiva tal-kontabbiltà, l-aspettattiva ta’ vijabbiltà xierqa tagħhom, minn tal-inqas fuq żmien twil. Din is-sitwazzjoni oġġettiva, li tirriżulta minn sempliċi osservazzjoni tad-dinamiċi tas-suq li kienu jeżistu f’mument storiku partikolari, kellha tiħu l-preċedenza fuq kwalunkwe kunsiderazzjoni ta’ natura teoretika jew spekulattiva fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-MEIP mill-Kummissjoni. Barra minn hekk, fid-deċiżjoni ma ssemmix każ wieħed konkret ta’ kumpanija privata li topera f’kundizzjonijiet normali tas-suq li, affaċċjata b’diffikultajiet serji kkawżati mill-kriżi, tpoġġiet f’likwidazzjoni mill-azzjonisti tagħha minflok ma ġiet rikapitalizzata. Ma huwiex ċar, u f’kull każ il-Qorti Ġenerali ma spjegatx, għaliex SACE kellha f’kull każ tibqa’ obbligata li tevalwa ex ante l-profittabbiltà futura ta’ SACE BT u li titrażmetti lill-Kummissjoni elementi ta’ evalwazzjoni preliminari xierqa, minkejja li mid-data tas-suq jirriżulta li l-investituri privati ma kinux għamlu hekk. Fl-aħħar nett, peress li matul l-investigazzjoni bir-reqqa tagħha l-Kummissjoni qieset li ma kellhiex tevalwa bl-attenzjoni mistħoqqa l-argumenti mqajma minn SACE fir-rigward tal-applikazzjoni tal-kriterju empirika fil-kuntest tal-MEIP, il-Qorti Ġenerali wettqet żball meta ddikjarat li setgħet leġittimament tiċħadhom, fid-dawl tal-possibbiltà astratta li t-tranżazzjonijiet ta’ kapital imwettqa mill-operaturi privati setgħu, min-naħa tagħhom, jitqiesu mhux konformi mal-MEIP peress li jinvolvu elementi ta’ għajnuna.
Full & Egal Universal Law Academy