16.11.2015
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 381/22
Appell ippreżentat fl-14 ta’ Settembru 2015 mill-Kummissjoni Ewropea mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (Is-Sitt Awla Estiża) fit-2 ta’ Lulju 2015 fil-Kawżi magħquda T-425/04 RENV u T-444/04 RENV, Franza u Orange vs Il-Kummissjoni
(Kawża C-486/15 P)
(2015/C 381/25)
Lingwa tal-kawża: il-Franċiż
Partijiet
Appellanti: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: C. Giolito, B. Stromsky, D. Grespan, u T. Maxian Rusche, membri tas-Servizz Ġuridiku)
Parti oħra fil-proċedura: Ir-Repubblika Franċiża, Orange, li kienet France Télécom, u r-Repubblika Federali tal-Ġermanja
Talbiet
—
tannulla s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea (Is-Sitt Awla Estiża), tat-2 ta’ Lulju 2015, fil-Kawżi magħquda T-425/04, Ir-Repubblika Franċiża vs Il-Kummissjoni u T-444/04, France Télécom vs Il-Kummissjoni sa fejn din:
—
annullat l-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2006/621/KE, tat-2 ta’ Awwissu 2004, dwar l-għajnuna mill-Istat implementata minn Franza favur France Télécom (1);
—
ikkundannat lill-Kummissjoni tbati l-ispejjeż tagħha kif ukoll tmien partijiet minn għaxra tal-ispejjeż sostnuti mir-Repubblika Franċiża u minn Orange fil-Kawżi T-425/04 u T-444/04.
—
tiddeċiedi definittivament it-tilwima u tiċħad ir-rikorsi tar-rikorrenti u tikkundanna lir-rikorrenti jbatu l-ispejjeż tal-istanzi kollha;
—
sussidjarjament, tibgħat lura l-kawża lill-Qorti Ġenerali għal eżami mill-ġdid u tirriżerva l-ispejjeż tal-istanza.
Aggravji u argumenti prinċipali
Il-Kummissjoni tressaq erba’ aggravji insostenn tal-appell tagħha.
Fl-ewwel lok, hija tqis li s-sentenza tal-Qorti Ġenerali ma hijiex motivata biżżejjed u hija kontradittorja. Il-Qorti Ġenerali fil-fatt injorat il-prinċipji stabbiliti permezz tas-sentenza fuq appell (2) u ma indirizzatx biżżejjed l-argumenti mressqa mill-Kummissjoni wara li l-kawżi ntbagħtu lura lill-Qorti Ġenerali.
Fit-tieni lok, il-Kummissjoni tallega li l-Qorti Ġenerali wettqet numru ta’ ksur tal-Artikolu 107(1) TFUE. Dawn id-diversi ksur wasslu lill-Qorti Ġenerali teskludi d-dikjarazzjonijiet tal-awtoritajiet pubbliċi bejn Lulju u Diċembru 2002 kif ukoll il-parti “rassigurazzjoni tas-swieq” tal-avviż tal-4 ta’ Diċembru 2002 mill-kamp ta’ analiżi tal-kriterju tal-investitur privat. L-ewwel nett, billi rabtet lilha nnifisha tapplika l-eżami tal-investitur privat avvżat għal mument preċiż, il-Qorti Ġenerali fil-fatt naqset milli tosserva s-soluzzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja li abbażi tagħha hemm lok li wieħed iqiegħed lilu nnifsu fil-kuntest tal-epoka li matulha ttieħdu l-miżuri ta’ appoġġ u li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-elementi kollha rilevanti. Skont il-Kummissjoni, il-Qorti Ġenerali tidher li injorat il-fatt li miżura ta’ għajnuna tista’ tirriżulta minn diversi interventi marbuta bejniethom u impossibbli li jiġu disassoċjati minn xulxin. It-tieni nett, il-Qorti Ġenerali wettqet diversi żbalji ta’ liġi fir-rigward tar-rabta eżistenti bejn il-kunċett ta’ vantaġġ u l-applikazzjoni tal-kriterju tal-investitur privat avvżat. Il-Kummissjoni b’mod partikolari tallega li l-Qorti Ġenerali llimitat l-eżami tal-investitur privat avvżat għal parti limitata tal-perijodu li matulu l-vantaġġ wera l-effetti tiegħu. It-tielet nett, il-Kummissjoni tallega li l-Qorti Ġenerali eskludiet elementi ta’ kuntest mill-kamp tal-eżami tagħha. Ir-raba’ nett, il-Qorti Ġenerali rrestrinġiet b’mod abbużiv l-eżami magħqud ta’ diversi vantaġġi għall-vantaġġi tal-istess natura. Il-ħames nett, il-Qorti Ġenerali ma applikatx il-kriterju stabbilit mill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiddetermina jekk miżuri Statali humiex marbuta b’mod indissolubbli u għandhomx jiġu eżaminati flimkien. Is-sitt nett, il-Kummissjoni tikkontesta r-rikonoxximent mill-Qorti Ġenerali tal-avvenimenti li jikkostitwixxu “interrużjoni[jiet]” fis-suċċessjoni tal-miżuri Statali matul Settembru sa Diċembru 2002. Skont il-Kummissjoni tali “interruzzjoni[jiet]” ma jistgħux jimmotivaw l-eżami separat tal-miżuri preċedenti u sussegwenti għal din id-data. Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni tikkontesta l-motivazzjoni tal-Qorti Ġenerali fir-rigward tar-riskju ta’ reputazzjoni.
Fit-tielet lok, il-Kummissjoni tallega li l-Qorti Ġenerali eċċediet il-limiti tal-istħarriġ tagħha tal-legalità tal-atti amministrattivi.
Fl-aħħar lok, il-Kummissjoni tqis li l-Qorti Ġenerali interpretat b’mod żbaljat u anke żnaturat id-deċiżjoni tal-Kummissjoni.
(1) ĠU 2006, L 257, p. 11.
(2) Sentenza Bouygues et vs Il-Kummission et, C-399/10 P u C-401/10 P, EU:C:2013:175.
Full & Egal Universal Law Academy