7.12.2015
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 406/17
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mil-Landgericht Berlin (il-Ġermanja) fis-17 ta’ Settembru 2015 – CTL Logistics GmbH vs DB Netz AG
(Kawża C-489/15)
(2015/C 406/18)
Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż
Qorti tar-rinviju
Landgeright Berlin
Partijiet fil-kawża prinċipali
Rikorrenti: CTL Logistics GmbH
Konvenuta: DB Netz AG
Domandi preliminari
1)
Dispożizzjonijiet tad-dritt Ewropew, b’mod partikolari l-ewwel sentenza tal-paragrafu 1, il-paragrafu 2, il-paragrafu 3, l-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 5 u l-paragrafu 6 tal-Artikolu 30 tad-Direttiva 2001/14/KE (1), għandhom jiġu interpretati bħala li jeskludu kull azzjoni għal rimbors ta’ piżijiet għall-użu ta’ infrastruttura ferrovjarja stipulati jew stabbiliti fi ftehim qafas konkluż bejn amministratur tal-infrastruttura u applikant, jekk din l-azzjoni għal rimbors ma tkunx tressqet skont il-proċeduri previsti quddiem il-korp regolatorju nazzjonali u skont il-proċeduri ġudizzjarji korrispondenti li jkunu stħarrġu dawn id-deċiżjonijiet tal-korp regolatorju?
2)
Dispożizzjonijiet tad-dritt Ewropew, b’mod partikolari l-ewwel sentenza tal-paragrafu 1, il-paragrafu 2, il-paragrafu 3, l-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 5 u l-paragrafu 6 tal-Artikolu 30 tad-Direttiva 2001/14/KE, għandhom jiġu interpretati bħala li jeskludu kull azzjoni għal rimbors ta’ piżijiet għall-użu ta’ infrastruttura ferrovjarja stipulati jew stabbiliti fi ftehim qafas konkluż bejn amministratur tal-infrastruttura u applikant, jekk il-korp regolatorju nazzjonali ma jkunx ġie preċedentement adit bil-kwistjoni tal-piżijiet għall-użu ta’ infrastruttura ferrovjarja?
3)
L-istħarriġ tan-natura ekwa tal-piżijiet għall-użu ta’ infrastruttura ferrovjarja eżerċitat mill-qorti ċivili fuq il-bażi ta’ regola nazzjonali tad-dritt ċivili li tippermetti li l-qrati jistħarrġu l-ekwità ta’ prestazzjoni unilateralment iddeterminata minn parti u, fejn xieraq, jiddeterminaw il-prestazzjoni huma stess ex aequo et bono, huwa kompatibbli mar-rekwiżiti tad-dritt tal-Unjoni li jimponi fuq l-amministratur tal-infrastruttura ċerti regoli ġenerali għall-kalkolu tal-piż, fosthom l-obbligu li jkopri l-ispejjeż [Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2001/14/KE] jew li josserva kriterji marbuta mal-kapaċità ta’ aċċettazzjoni tas-suq [Artikolu 8(1) tad-Direttiva 2001/14/KE]?
4)
Fil-każ ta’ risposta affermattiva għad-domanda 3, il-qorti ċivili għandha, fl-ambitu tal-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali tagħha, tieħu inkunsiderazzjoni kriterji stabbiliti fid-Direttiva 2001/14/KE sabiex tistabbilixxi l-piż għall-użu tal-infrastruttura ferrovjarja u, jekk iva, liema kriterji?
5)
Il-verifika minn qorti ċivili tal-ekwità tal-piżijiet fuq il-bażi tar-regola nazzjonali prevista fid-domanda 3 hija kompatibbli mad-dritt Ewropew meta l-qrati ċivili jistabbilixxu l-piż billi jinjoraw il-prinċipji ġenerali u l-ammonti stabbiliti bħala piżijiet mill-amministratur tal-linji ferrovjarji, minkejja l-fatt li dan l-amministratur huwa marbut mid-dritt tal-Unjoni li jittratta b’mod nondiskriminatorju lil kull entità awtorizzata li taċċedi għall-infrastruttura [Artikolu 4(5) tad-Direttiva 2001/14/KE]?
6)
L-istħarriġ mill-qorti ċivili tan-natura ekwa tal-piżijiet ta’ amministratur tal-infrastruttura huwa kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni fid-dawl tal-fatt li dan id-dritt jassumi li huwa l-korp regolatorju li għandu l-kompetenza jiddeċiedi nuqqasijiet ta’ qbil bejn l-amministratur tal-infrastruttura u l-persuni awtorizzati jaċċedu fir-rigward tal-piżijiet għall-użu tal-infrastruttura ferrovjarja jew fir-rigward tal-ammont jew tal-istruttura ta’ dawn il-piżijiet, li l-persuna awtorizzata taċċedi għandha jew ikollha tħallas [it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 30(5) tad-Direttiva 2001/14/KE], u tal-fatt li, minħabba n-numru potenzjalment kbir ta’ tilwimiet imressqa quddiem diversi qrati ċivili, il-korp regolatorju ma jkunx jista’ jibqa’ jiggarantixxi l-applikazzjoni uniformi tal-leġiżlazzjoni dwar il-linji ferrovjarji [Artikolu 30(3) tad-Direttiva 2001/14/KE]?
7)
Huwa kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni, partikolarment mal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2001/14/KE, li d-dispożizzjonijiet nazzjonali jeżiġu li l-piżijiet kollha tal-amministraturi tal-infrastruttura għall-użu tal-infrastrutturi ferrovjarji jkunu kkalkolati biss skont metodu bbażat fuq l-ispejjeż diretti?
(1) Direttiva 2001/14/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-26 ta’ Frar 2001, dwar l-allokazzjoni ta’ kapaċità ta’ infrastruttura tal-ferroviji u t-tqegħid ta’ piżijiet għall-użu ta’ infrastruttura tal-ferroviji u ċertifikazzjoni tas-sigurtà (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 5, p. 404).
Full & Egal Universal Law Academy