25.1.2016
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 27/3
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mis-Szegedi Közigazgatási és Munkaügyi Bíróság (l-Ungerija) fit-22 ta’ Settembru 2015 – Euro-Team Kft. vs Budapest Rendőrfőkapitánya
(Kawża C-497/15)
(2016/C 027/04)
Lingwa tal-kawża: l-Ungeriż
Qorti tar-rinviju
Szegedi Közigazgatási és Munkaügyi Bíróság.
Partijiet fil-kawża prinċipali
Rikorrenti: Euro-Team Kft.
Konvenuta: Budapest Rendőrfőkapitánya.
Domandi preliminari
1)
Ir-rekwiżit ta’ proporzjonalità, stabbilit mill-Artikolu 9a tad-Direttiva 1999/62/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-17 ta’ Ġunju 1999, dwar il-ħlas li jrid isir minn vetturi ta’ merkanzija tqila għall-użu ta’ ċerti infrastrutturi (1) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva Eurovignette”), għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi sistema ta’ sanzjonijiet bħal dik introdotta mill-Anness 9 tad-Digriet tal-Gvern Nru 410, tad-29 ta’ Diċembru 2007, dwar il-lista ta’ reati tat-traffiku suġġetti għal multi amministrattivi, l-ammonti tal-multi dovuti fil-każ ta’ reati tat-traffiku, is-sistema ta’ impożizzjoni tal-multi u l-kundizzjonijiet għall-parteċipazzjoni fil-kontrolli tat-traffiku [a közigazgatási bírsággal sújtandó közlekedési szabályszegések köréről, az e tevékenységekre vonatkozó rendelkezések megsértése esetén kiszabható bírságok összegéről, felhasználásának rendjéről és az ellenőrzésben történő közreműködés feltételeiről szóló 410/2007. (XII. 29.) Korm. Rendelet] (iktar ’il quddiem id-“digriet dwar il-multi”), li timponi l-ħlas ta’ multa b’rata fissa – jiġifieri indipendenti mill-gravità tar-reat – fil-każ ta’ ksur tar-regoli dwar ix-xiri ta’ biljetti għall-użu ta’ triq?
2)
Il-multa amministrattiva stabbilita mill-Anness 9 tad-digriet dwar il-multi hija konformi mar-rekwiżit tal-Artikolu 9a tad-Direttiva Eurovignette li skontu s-sanzjonijiet previsti fid-dritt nazzjonali għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi?
3)
Ir-rekwiżit ta’ proporzjonalità previst fl-Artikolu 9a tad-Direttiva Eurovignette għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi, minn naħa, sistema ta’ sanzjonijiet li, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, tipprevedi r-responsabbiltà oġġettiva tal-awturi tar-reat u, min-naħa l-oħra, ammont tas-sanzjoni kif previst mill-imsemmija sistema?
(1) Direttiva 1999/62/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-17 ta’ Ġunju 1999, dwar il-ħlas li jrid isir minn vetturi ta’ merkanzija tqila għall-użu ta’ ċerti infrastrutturi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 4, p. 372).
Full & Egal Universal Law Academy