30.11.2015
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 398/20
Appell ippreżentat fil-25 ta’ Settembru 2015 minn AGC Glass Europe, AGC Automotive Europe, AGC France, AGC Flat Glass Italia Srl, AGC Glass UK Ltd, AGC Glass Germany GmbH mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (It-Tielet Awla) fil-15 ta’ Lulju 2015 fil-Kawża T-465/12, AGC Glass Europe et vs Il-Kummissjoni Ewropea
(Kawża C-517/15 P)
(2015/C 398/25)
Lingwa tal-kawża: l-Ingliż
Partijiet
Appellanti: AGC Glass Europe, AGC Automotive Europe, AGC France, AGC Flat Glass Italia Srl, AGC Glass UK Ltd, AGC Glass Germany GmbH (rappreżentanti: L. Garzaniti, A. Burckett St Laurent, u F. Hoseinian, avukati)
Parti oħra fil-proċedura: Il-Kummisjsoni Ewropea
Talbiet
—
tannulla s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-15 ta’ Lulju 2015 fil-Kawża T-465/12, AGC Glass Europe SA et vs Il-Kummissjoni Ewropea;
—
tannulla d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2012) 5719 finali, tas-6 ta’ Awwissu 2012 (id-deċiżjoni kkontestata), li ċaħdet parzjalment it-talba ta’ AGC għat-trattament kunfidenzjali ta’ ċerta informazzjoni inkluża fid-deċiżjoni fil-Każ COMP/39.125 – Carglass, jew alternattivament tibgħat il-kawża lura quddiem il-Qorti Ġenerali; u
—
tikkundanna lill-Kummissjoni Ewropea għall-ispejjeż tal-kawża.
Aggravji u argumenti prinċipali
L-appellanti jinvokaw it-tliet aggravji segwenti:
1.
Il-Qorti Ġenerali żbaljat meta kkonstatat li l-kompetenza tal-uffiċjal tas-seduta, taħt id-Deċiżjoni tal-President tal-Kummissjoni Ewropea 2011/695/UE, tat-13 ta’ Ottubru 2011, dwar il-funzjoni u t-termini ta’ referenza tal-uffiċjal tas-seduta f’ċerti proċedimenti dwar il-kompetizzjoni (1), ma tinkludix evalwazzjoni tal-prinċipji ta’ aspettattivi leġittimi u ta’ ugwaljanza fit-trattament. Barra minn hekk, is-sentenza appellata tiżnatura l-fatti billi ssostni li l-uffiċjal tas-seduta evalwa l-argumenti mressqa mill-appellanti fir-rigward tal-prinċipji ta’ aspettattivi leġittimi u ta’ ugwaljanza fit-trattament.
2.
Il-Qorti Ġenerali żbaljat meta kkonkludiet li d-deċiżjoni kkontestata ma kisritx il-prinċipji ta’ aspettattivi leġittimi u ta’ ugwlajanza fit-trattament. Peress li l-appellanti kienu l-uniċi li talbu l-klemenza, huma għandhom dritt li l-informazzjoni kunfidenzjali tagħhom ma tiġix ippubblikata peress li tali pubblikazzjoni tippermetti lil partijiet terzi jidentifikaw is-sors tad-dikjarazzjonijiet awtoinkriminanti ppreżentati lill-Kummissjoni fil-kuntest tal-programm ta’ klemenza.
3.
Is-sentenza appellata hija vvizzjata b’nuqqas ta’ motivazzjoni fir-rigward tal-kompetenza tal-uffiċjal tas-seduta kif ukoll fir-rigward tal-applikabbiltà tal-prinċipji ta’ aspettattivi leġittimi u ta’ ugwaljanza fit-trattament. Il-Qorti Ġenerali għaldaqstant naqset milli twettaq id-dmir tagħha taħt l-Artikolu 296 TFUE u taħt l-Artikoli 36 u 53 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja. B’mod partikolari, il-Qorti Ġenerali ma tindirizzax ir-raġunijiet għaliex ma mxietx mal-ġurisprudenza stabbilita li rreferew għaliha l-appellanti.
(1) ĠU L 275, p. 29.
Full & Egal Universal Law Academy