7.12.2015
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 406/25
Rikors ippreżentat fid-29 ta’ Settembru 2015 – Ir-Renju ta’ Spanja vs Il-Kunsill
(Kawża C-521/15)
(2015/C 406/25)
Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol
Partijiet
Rikorrenti: Ir-Renju ta’ Spanja (rappreżentant: A. Rubio González, aġent)
Konvenuta: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea
Talbiet
—
tannulla d-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2015/1289 (1), tat-13 ta’ Lulju 2015, li timponi multa fuq Spanja għall-manipulazzjoni tad-data dwar id-defiċit fil-Komunità Awtonoma ta’ Valencia, jew
—
sussidjarjament, tnaqqas il-multa billi tilimitaha esklużivament għall-perijodi ta’ wara t-13 ta’ Diċembru 2011, li hija d-data tad-dħul fis-seħħ tar-Regolament Nru 1173/2011 (2) u,
—
f’kull każ, tikkundanna lill-Kunsill għall-ispejjeż.
Motivi u argumenti prinċipali
Ksur tal-Artikolu 8(3) tar-Regolament Nru 1173/2011 u tal-Artikolu 2(1) u (3) tad-Deċiżjoni 2012/678/UE (3) , bi ksur tad-drittijiet tad-difiża tar-Renju ta’ Spanja. Qabel il-ftuħ tal-fajl, saret investigazzjoni fil-marġini tal-proċedura ta’ stabbilita fid-Deċiżjoni 2012/678/UE. B’dan il-mod intużaw elementi miksuba matul żjarat li ma jissodisfawx ir-rekwiżiti tal-Artikolu 2(3) tagħha, għad-detriment tad-drittijiet tad-difiża ta’ Spanja.
Ksur tad-dritt għal amministrazzjoni tajba fir-rigward tal-kompożizzjoni tat-team ta’ investigazzjoni. Il-fatt li l-istess persuni investigaw il-proċeduri ta’ qabel ma huwiex konformi mal-prinċipju ta’ imparzjalità oġġettiva. It-team kien jippreżenta riskju fondat ta’ inklinazzjoni li tikkonferma u ta’ inklinazzjoni retrospettiva fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-indizji serji u gravi li kienu ġew evalwati qabel il-bidu tal-investigazzjoni. It-team ta’ investigazzjoni kien ikkundizzjonat b’tali mod li l-imparzjalità tiegħu kienet kompromessa.
Ksur tal-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 1173/2011, sa fejn il-fatti ma jikkostitwixxux manipulazzjoni jew misrappreżentazzjoni tad-data rilevanti dwar id-defiċit u d-dejn, imwettqa b’negliġenza serja jew intenzjonalment mill-Istat Membru. Fl-ewwel lok, il-fatti ma jikkostitwixxux manipulazzjoni jew misrappreżentazzjoni tal-istatistika, iżda din hija sempliċi reviżjoni tad-data tad-defiċit u tad-dejn spjegata b’mod ċar u xieraq. Fit-tieni lok, id-data li hija s-suġġett tal-allegata manipulazzjoni f’kull każ hija irrilevanti għall-finijiet tas-setgħa ta’ sorveljanza mogħtija lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni mill-Artikoli 121 u 126 TFUE. Fl-aħħar lok, l-aġir ta’ Spajna ma jistax jiġi kklassifikat bħala li jikkostitwixxi negliġenza gravi, peress li kienu l-awtoritajiet Spanjoli li kienu sabu l-iżball, li kienu indikawh immedjatament lill-Kummissjoni u li kienu aġixxew bl-ikbar diliġenza u ħeffa.
Nuqqas ta’ proporzjonalità tas-sanzjoni fir-rigward tal-kuntest ratione temporis ta’ riferiment għall-kalkolu tagħha. Il-perijodu li huwa s-suġġett tas-sanzjoni huwa limitat għad-data inkluża fin-notifiki sa mill-2012, fir-rigward ta’ fatti li seħħew mill-11 ta’ Diċembru 2011, li hija d-data tad-dħul fis-seħħ tar-Regolament 1173/2011. Għaldaqstant, l-ammont ta’ riferiment għandu jkun limitat għad-data li tinsab fl-irċevuti mdaħħla fil-kontijiet fl-2011.
(1) ĠU L 198, p. 19
(2) Regolament (UE) Nru 1173/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-16 ta’ Novembru 2011, dwar l-infurzar effettiv tas-sorveljanza baġitarja fiż-żona tal-euro (ĠU L 306, p. 1)
(3) Deċiżjoni ta’ Delega tal-Kummissjoni 2012/678/UE, tad-29 ta’ Ġunju 2012, dwar l-investigazzjonijiet u l-multi marbuta mal-manipulazzjoni tal-istatistika kif imsemmi fir-Regolament (UE) Nru 1173/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-infurzar effettiv tas-sorveljanza baġitarja fiż-żona tal-euro (ĠU L 306, p. 21)
Full & Egal Universal Law Academy