7.12.2015
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 406/26
Appell ippreżentat fit-28 ta’ Settembru 2015 mill-Kummissjoni Ewropea mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (Is-Sitt Awla) fil-15 ta’ Lulju 2015 fil-Kawżi magħquda T-389/10 u T-419/10
(Kawża C-522/15 P)
(2015/C 406/26)
Lingwa tal-kawża: it-Taljan
Partijiet
Appellanti: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: P. Rossi, V. Bottka, aġenti)
Partijiet oħra fil-proċedura: Siderurgica Latina Martin SpA (SLM), Ori Martin SA
Talbiet
(i)
tannulla s-sentenza appellata sa fejn din tnaqqas l-ammont bażiku tal-multa imposta fuq SLM li tistabbilixxi li d-deċiżjoni kkontestata ma kinitx ħadet inkunsiderazzjoni l-fatt li, għal parti tal-ksur, SLM ma pparteċipax fl-aspett estern tal-Club Italia;
(ii)
tannulla s-sentenza appellata sa fejn din tnaqqas l-ammont tal-multa imposta fuq SLM għal EUR 1.956 miljun, filwaqt li tħassar il-multa ffissata għal SLM in solidum ma’ Ori Martin;
(iii)
fl-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha, tikkalkola mill-ġdid l-ammont tal-multa li għandha tiġi imposta, skont kif mitlub mill-Kummissjoni;
(iv)
tikkundanna lir-rikorrenti fl-ewwel istanza għall-ispejjeż tal-proċedura.
Aggravji u argumenti prinċipali
(i)
Il-Qorti Ġenerali żnaturat il-fatti meta b’mod żbaljat qieset li l-ammont bażiku tal-multa imposta bid-deċiżjoni kkontestata fuq SLM kienet ta’ EUR 19,8 miljun minflok EUR 15 965 miljun kif stabbilit mit-tieni deċiżjoni ta’ rettifika, EUR 14-il miljun minnhom in solidum ma’ Ori Martin.
(ii)
Il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi fl-applikazzjoni tar-regoli fir-rigward tar-responsabbiltà in solidum għall-multi u fil-kalkolu tal-limitu massimu ta’ 10 %, sa fejn stabbilixxiet l-ammont finali tal-multa li għalih SLM hija responsabbli għal EUR 1 956 miljun b’applikazzjoni tal-limitu legali ta’ 10 % tad-dħul mill-bejgħ globali ta’ SLM fis-sena ta’ referenza skont l-Artikolu 23(2) tar-Regolament (KE) Nru 1/2003 (1). Fil-każ ineżami, is-sentenza kellha tindika li SLM mhux biss kienet obbligtata tħallas EUR 1 956 miljun b’mod individwali iżda wkoll EUR 13,3 miljun addizzjonali, in solidum ma’ Ori Martin. Fil-fatt, il-kalkolu tal-limiti massimi kellu jsir b’mod distint għal SLM, b’mod individwali, fir-rigward tal-perijodu ta’ perteċipazzjoni fil-ksur fejn hija ma kinitx ikkontrollata minn Ori Martin (bil-limitu massimu relattiv għad-dħul mill-bejgħ mondjali ta’ SLM), u għal SLM in solidum ma’ Ori Martin, fir-rigward tal-perijodu fejn is-sussidjarja kienet ikkontrollata mill-kumpannija parent (bil-limitu massimu relattiv għad-dħul mill-bejgħ mondjali ta’ Ori Martin, li fil-każ ineżami ma ntlaħaqx).
(1) Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003, tas-16 ta’ Diċembru 2002, fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205).
Full & Egal Universal Law Academy