1.2.2016
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 38/21
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Hoge Raad der Nederlanden (il-Pajjiżi l-Baxxi) fil-21 ta’ Ottubru 2015 – J. J. de Lange vs Staatssecretaris van Financiën
(Kawża C-548/15)
(2016/C 038/31)
Lingwa tal-kawża: l-Olandiż
Qorti tar-rinviju
Hoge Raad der Nederlanden
Partijiet fil-kawża prinċipali
Rikorrent: J. J. de Lange
Konvenut: Staatssecretaris van Financiën
Domandi preliminari
1)
L-Artikolu 3 tad-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE (1) tas-27 ta’ Novembru 2000 li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol għandu jiġi interpretat fis-sens li din id-dispożizzjoni hija applikabbli għal konċessjoni li tinsab fil-leġiżlazzjoni tat-taxxa li fuq il-bażi tagħha spejjeż tal-istudji jistgħu, taħt ċerti kundizzjonijiet, jitnaqqsu mid-dħul taxxabbli?
Fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tagħti risposta negattiva:
2)
Il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni minħabba l-età, bħala prinċipju ġenerali tad-dritt tal-UE, għandu jiġi applikat għal konċessjoni tat-taxxa li fuq il-bażi tagħha spejjeż ta’ taħriġ jitnaqqas biss taħt ċerti ċirkustanzi, anki meta dik il-konċessjoni taqa’ lil hinn mill-kamp materjali tad-Direttiva 2000/78/KE u meta dak l-arranġament ma jimplemetax id-dritt tal-UE?
Jekk ir-risposta għall-ewwel jew it-tieni domandi magħmula tkun pożittiva:
3)
(a)
Jistgħu differenzi fit-trattament li jmorru kontra l-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni minħabba l-età bħala prinċipju ġenerali tad-dritt tal-UE jiġu ġġustifikati bil-mod ipprovdut fl-Artikolu 6 tad-Direttiva 2000/78/KE?
(b)
Jekk le, liema kriterji huma applikabbli għall-applikazzjoni ta’ dak il-prinċipju jew għall-ġustifikazzjoni ta’ distinzjoni bbażata fuq l-età?
4)
(a)
L-Artikolu 6 tad-Direttiva 2000/78/KE u/jew il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni skont l-età jistgħu jiġu interpretati fis-sens li jiġġustifikaw differenza fit-trattament skont l-età jekk ir-raġuni għal dik id-differenza tirrigwarda biss xi wħud mill-każijiet affettwati minn din id-distinzjoni?
(b)
Tista’ distinzjoni bbażata fuq l-età tiġi ġġustifikata mill-perspettiva tal-leġiżlatur li, lil hinn minn ċerta età, konċessjoni tat-taxxa ma għandhiex bżonn tkun disponibbli għaliex hija “responsabbiltà personali” tal-persuna li titlobha sabiex tikseb l-għan imfittex mill-konċessjoni?
(1) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5 Vol. 4 p. 79.
Full & Egal Universal Law Academy