1.2.2016
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 38/27
Appell ippreżentat fid-9 ta’ Novembru 2015 minn Industria de Diseño Textil, S.A. (Inditex) mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (It-Tielet Awla) fid-9 ta’ Settembru 2015 fil-Kawża T-584/14, INDITEX vs UASI – ANSELL (ZARA)
(Kawża C-575/15 P)
(2016/C 038/40)
Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol
Partijiet
Appellanti: Industria de Diseño Textil, S.A. (Inditex) (rappreżentanti: C. Duch Fonoll, avukat)
Parti oħra fil-proċedura: L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI)
Talbiet
—
tannulla s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea li ċaħdet ir-rikors ippreżentat mill-appellanti kontra d-deċiżjoni tat-Tieni Bord tal-Appell tal-UASI, tad-19 ta’ Mejju 2014 (Każ R 1118/2013-2) u b’konsegwenza ta’ dan tannulla d-deċiżjoni kkontestata u d-deċiżjoni preċedenti tad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni tal-UASI, tat-30 ta’ April 2013, li laqgħet l-applikazzjoni għar-revoka tar-reġistrazzjoni tat-trade mark Komunitarja ZARA Nru 112.755 għal servizzi fil-klassi 39.
—
tikkundanna lill-UASI għall-ispejjeż.
Aggravji u argumenti prinċipali
1.
F’dan l-appell qegħdin jiġu kkontestati, permezz ta’ sitt aggravji, il-motivi esposti fil-punti 32 sa 37 tas-sentenza appellata.
2.
Permezz tal-ewwel aggravju l-appellanti tallega li l-Qorti Ġenerali kisret l-Artikolu 65(3) tar-Regolament Nru 207/2009 (1) sa fejn, fil-punt 37 tas-sentenza appellata, aġixxiet ultra petita minħabba li qajjmet dubji dwar l-użu fih innifsu tat-trade mark ZARA Nru 112.755 għal servizzi fil-klassi 39, meta din il-kwistjoni ma kinitx ikkontestata u ma kinitx is-suġġett tar-rikors.
3.
Is-suġġett tal-appell ippreżentat quddiem il-Bord tal-Appell kien limitat għad-determinazzjoni ta’ jekk l-użu li Inditex għamlet mit-trade mark ZARA għal servizzi ta’ trasport u distribuzzjoni pprovduti minn din il-kumpannija lill-konċessjonarji tagħha setgħax jew le jitqies li kien pubbliku jew inkella jekk kienx użu privat intern għall-impriża u, konsegwentement, jekk setgħax jitqies li kien użu ġenwin jew le. Għaldaqstant, l-eżistenza tal-użu fih innifsu tat-trade mark ZARA għas-servizzi ta’ trasport u distribuzzjoni pprovduti mill-proprjetarju tat-trade mark ma kienx fatt ikkontestat u ma kienx is-suġġett tad-diskussjoni fl-ambitu amministrattiv.
4.
Permezz tat-tieni aggravju Inditex tallega li l-Qorti Ġenerali, fil-punti 32 u 33 tas-sentenza appellata, wettqet żball ta’ liġi fl-applikazzjoni tal-Artikolu 51(1)(a) tar-Regolament Nru 207/2009 meta ma għamlitx distinzjoni bejn il-kunċett ta’ “integrazzjoni kummerċjali”, applikabbli għall-impriżi konċessjonarji hekk kif jintegraw ruħhom fil-metodu kummerċjali tal-impriża li tagħti l-konċessjoni, u l-kunċett ta’ “integrazzjoni ekonomika” jew “unità ekonomika”, fis-sens tal-livell ta’ dipendenza ekonomika.
5.
Il-Qorti Ġenerali qieset, fil-punt 33 tas-sentenza appellata, li l-fatt li l-konċessjonarji ta’ Inditex jsegwu mudell ta’ negozju integrat kummerċjalment fil-metodu kummerċjali tal-impriża li tagħti l-konċessjoni jippreżupponi li dawn tal-ewwel jitilfu l-kwalità tagħhom ta’ unitajiet ekonomiċi indipendenti, jiġifieri, terzi separati mill-organizzazzjoni interna tal-impriża li tagħti l-konċessjoni. Skont l-appellanti din l-evalwazzjoni hija żbaljata peress li hija contra legem.
6.
Permezz tat-tielet aggravju l-appellanti tallega li l-Qorti Ġenerali, fil-punt 33 tas-sentenza appellata, żnaturat il-kliem tad-dikjarazzjoni ġuramentata tas-7 ta’ Mejju 2012 ta’ D. Antonio Abril (Anness 4 tar-rikors), billi rriproduċiet b’mod parzjali parti mid-dikjarazzjonijiet realment magħmula minnu, fatt li wassal sabiex il-Qorti Ġenereali tinterpreta dan id-dokument b’mod żbaljat u li affettwa d-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali fir-rigward tal-evalwazzjoni ta’ jekk l-użu tat-trade mark ZARA kienx pubbliku.
7.
Permezz tar-raba’ aggravju l-appellanti tallega li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi fl-applikazzjoni tal-Artikolu 51(1)(a) tar-Regolament Nru 207/2009 billi kisret, fil-punt 35 tas-sentenza appellata, id-dispożizzjonijiet li jipprevedu li fl-evalwazzjoni tan-natura ġenwina tal-użu tat-trade mark għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-fatti u ċ-ċirkostanzi kollha li jistgħu jiddeterminaw ir-realtà tal-użu kummerċjali tagħha. B’mod konkret, l-appellanti tallega li l-Qorti Ġenerali ċaħdet li Inditex kienet preżenti fis-suq tas-servizzi ta’ trasport ta’ merkanzija permezz tat-trade mark tagħha ZARA peress li din il-kumpannija ma kellhiex volum ta’ negozju ġġenerat mill-provvista ta’ servizzi fil-klassi 39.
8.
Il-Qorti Ġenerali ċaħdet li Inditex kienet tipprovdi servizzi ta’ trasport ta’ merkanzija lil terzi li ma kinux jifformaw parti mill-unità ekonomika tagħha peress li din hija impriża ddedikata għall-manifattura u l-bejgħ ta’ prodotti tal-moda u mhux impriża tat-trasport. Skont l-appellanti, dan l-approċċ tal-Qorti ġenerali huwa żbaljat u jikser id-dritt u l-ġurisprudenza tal-Unjoni kif iċċitat fl-aggravju korrispondenti.
9.
Permezz tal-ħames aggravju Inditex tallega li l-Qorti Ġenerali, fil-punt 35 tas-sentenza appellata, żnaturat il-kliem tad-dikjarazzjoni ġuramentata tas-7 ta’ Mejju 2012 ta’ D. Antonio Abril, meta interpretat id-data kkwantifikata fil-punt 18 tad-dikjarazzjoni bħala li tikkonferma r-realtà tal-użu kummerċjali tat-trade mark inkwistjoni f’dak li jirrigwarda l-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti, meta, fir-realtà, il-kwantitajiet indikati f’dan id-dokument jirreferu unikament għall-kwantitajiet li Inditex daħħlet mingħand il-konċessjonarji mill-provvista ta’ servizzi ta’ trasport minn din il-kumpannija lil dawn tal-aħħar.
10.
Fl-aħħar nett, permezz tas-sitt aggravju l-appellanti tallega żball ta’ liġi minħabba ksur tal-Artikolu 51(1)(a) tar-Regolament Nru 207/2009, moqri flimkien mar-Regola 22 tar-Regolament Nru 2868/95 (2), sa fejn fil-punt 36 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali eżiġiet minn Inditex probatio diabolica meta ċaħdet li kienu ġew prodotti provi dwar il-volum ta’ negozju sa fejn ma kinux ġew prodotti rċevuti u dan minkejja li l-Qorti Ġenerali kienet konsapevoli li ma kienx possibbli li Inditex tipproduċi tali rċevuti sa fejn dawn huma dokumenti ineżistenti għar-raġunijiet imsemmija fiċ-ċitat motiv tar-rikors.
(1) Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009, tas-26 ta’ Frar 2009, dwar it-trade mark Komunitarja (Verżjoni kodifikata) (ĠU L 78, p. 1)
(2) Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2868/95, tat-13 ta’ Diċembru 1995, li jimplimenta r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94 dwar it-trade mark tal-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 189)
Full & Egal Universal Law Academy