1.2.2016
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 38/29
Rikors ippreżentat fit-12 ta’ Novembru 2015 – Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Repubblika Portugiża
(Kawża C-583/15)
(2016/C 038/42)
Lingwa tal-kawża: il-Portugiż
Partijiet
Rikorrenti: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: P. Guerra e Andrade u J. Hottiaux, aġenti)
Konvenuta: Ir-Repubblika Portugiża
Talbiet
—
tikkonstata li, billi ma ħolqitx ir-reġistru elettroniku nazzjonali tagħha tal-impriżi tat-trasport bit-triq, flimkien ma’ interkonnessjoni mar-reġistri elettroniċi nazzjonali tal-Istati Membri l-oħra, ir-Repubblika Portugiża naqset milli twettaq l-obbligi tagħha skont l-Artikolu 16(1) u (5) tar-Regolament (KE) Nru 1071/2009 (1) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-21 ta’ Ottubru 2009, li jistabbilixxi regoli komuni dwar il-kondizzjonijiet li għandhom jiġu rispettati għall-eżerċizzju tal-professjoni ta’ operatur tat-trasport bit-triq u li jħassar id-Direttiva tal-Kunsill 96/26/KE;
—
tikkundanna lir-Repubblika Portugiża għall-ispejjeż.
Motivi u argumenti prinċipali
Skont l-Artikolu 16(1) tar-Regolament Nru 1071/2009, kull Stat Membru għandu jżomm reġistru elettroniku nazzjonali tal-impriżi tat-trasport bit-triq, awtorizzati mill-awtorità nazzjonali kompetenti sabiex jeżerċitaw attività ta’ trasportatur bit-triq.
L-imsemmi paragrafu 1 jistabbilixxi wkoll li l-ipproċessar tad-data li tinsab fir-reġistru u, b’mod partikolari, id-data fundamentali ffissata fl-Artikolu 16(2) għandha ssir taħt il-kontroll tal-awtorità pubblika maħtura. Din id-data għandha tkun aċċessibbli għall-awtoritajiet kompetenti kollha tal-Istat Membru inkwistjoni.
Issa, mir-risposta tal-Istat Portugiż għall-ittra ta’ intimazzjoni supplimentari jirriżulta li l-amministrazzjoni Portugiża għadha ma waslitx għal ftehim bejn it-tliet awtoritajiet nazzjonali intervenjenti fis-sistema, l-Awtorità Nazzjonali tas-Sigurtà fit-Toroq, l-Awtorità għall-Kundizzjonijiet tax-Xogħol u d-Direttorat Ġenerali tal-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja.
F’dawn iċ-ċirkustanzi, mhux talli ma jeżistix reġistru nazzojnali, fejn għadhom jeżistu r-reġistri speċifiċi ta’ tliet awtoritajiet nazzojnali, iżda d-data inkwistjoni ma hijiex aċċessibbli għall-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Portugiż.
Għaldaqstant, l-Istat Portugiż ma jikkonformax ruħu mal-Artikolu 16(1) tar-Regolament Nru 1071/2009.
Skont l-Artikolu 16(5) tar-Regolament Nru 1071/2009, l-Istat Membri għandhom jadottaw il-miżuri neċessarji sabiex ir-reġistri elettroniċi nazzjonali jiġu interkonnessi, u jkunu aċċessibbli fl-Unjoni kollha.
Fl-assenza ta’ reġistru nazzjonali, ma hemmx dubju li l-amministrazzjoni Portugiża ma adottatx il-miżuri neċessarji għall-interkonnessjoni tar-reġistru nazzjonali tagħha, li ma jeżistix, mar-reġistri nazzjonali l-oħra.
Għaldaqstant, l-Istat Portugiż ma jikkonformax ruħu mal-Artikolu 16(5) tar-Regolament Nru 1071/2009.
(1) ĠU L 300, p. 51.
Full & Egal Universal Law Academy