15.2.2016
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 59/2
Appell ippreżentat fit-12 ta’ Novembru 2015 minn Lotte Co. Ltd mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (It-Tieni Awla) fil-15 ta’ Settembru 2015 fil-Kawża T-483/12, Nestlé Unternehmungen Deutschland GmbH vs L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni)
(Kawża C-586/15 P)
(2016/C 059/02)
Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż
Partijiet
Appellanti: Lotte Co. Ltd (rappreżentant: M. Knitter, avukat)
Parti oħra fil-proċedura: L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni)
Talbiet
—
tannulla s-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (It-Tieni Awla) fil-15 ta’ Settembru 2015 (T-483/12) u tiċħad ir-rikors għall-annullament tad-deċiżjoni tar-Raba’ Bord tal-Appell tal-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern tat-3 ta’ Settembru 2012 (Każ R 2103/2010-4);
—
sussidjarjament, tannulla s-sentenza appellata tal-Qorti Ġenerali u tirrinvija l-kawża lil din tal-aħħar;
—
tikkundanna lir-rikorrenti (Nestlé Unternehmungen Deutschland GmbH) għall-ispejjeż.
Aggravji u argumenti prinċipali
L-appellanti tikkritika lill-Qorti Ġenerali li kisret l-Artikolu 15(1)(a) tar-Regolament (KE) tal-Kunsill Nru 207/2009, tas-26 ta’ Frar 2009, dwar it-trade mark Komunitarja. Speċifikament, hija ssostni tliet difetti li jaffettwaw, skontha, is-sentenza:
1.
L-appellanti tilmenta li l-Qorti Ġenerali applikat kriterji żbaljati għall-evalwazzjoni ta’ sa liema punt l-Artikolu 15(1)(a) tar-Regolament Nru 207/2009 jippermetti li t-trade mark invokata insostenn tal-oppożizzjoni kif konkretament użata hija differenti mit-trade mark kif irreġistrata. F’dan ir-rigward, hija tispjega li huwa b’mod ġuridikament żbaljat li l-Qorti Ġenerali ddeterminat l-elementi distintivi tat-trade mark invokata insostenn tal-oppożizzjoni billi applikat il-kriterji użati sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni. Il-kwistjoni jekk ċerti elementi humiex karatteristiċi jew jiddominaw fi ħdan it-trade mark, li hija determinati għall-finijiet tal-istabbiliment tal-eżistenza ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni, ma tistax titqies bl-istess mod matul l-evalwazzjoni dwar sa fejn it-trade mark tista’ validament tintuża f’forma differenti. F’dan il-kuntest, ma hijiex qed tiġi kkonstatata probabbiltà ta’ konfużjoni. Li huwa importanti huwa, għall-kuntrarju, li jkun magħruf jekk il-forma li fiha t-trade mark hija użata hijiex differenti mit-trade mark kif irreġistrata biss b’mod hekk negliġibbli li ż-żewġ sinjali jistgħu jitqiesu bħala ġeneralment ekwivalenti.
2.
Skont l-appellanti, il-Qorti Ġenerali naqset ukoll milli tqis iċ-ċirkustanzi rilevanti kollha għall-finijiet li tiddetermina l-elementi distintivi tat-trade mark invokata inostenn tal-oppożizzjoni. Skontha, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta użat il-kriterji tal-Bord tal-Appell mingħajr ma eżaminat hija stess il-ħafna elementi differenti, ta’ kumplessità kbira, li t-trade mark ċċitata insostenn tal-oppożizzjoni hija komposta minnhom.
3.
L-appellanti ssostni li l-motivazzjoni tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali fiha kontradizzjonijiet u żbalji ta’ loġika dwar id-determinazzjoni tal-forma li fiha t-trade mark hija użata. Ċertament, il-Qorti Ġenerali tindika li s-sinjal użat jista’ jkun differenti mill-forma li fiha ġie rreġistrat biss b’“elementi neglġibbli” u s-sinjal użat u t-trade mark irreġistrata għandhom jitqiesu bħala “ġeneralment ekwivalenti” sabiex ikun hemm użu utli. Skont l-appellanti, il-Qorti Ġenerali madankollu twettaq kontradizzjonijiet u żbalji loġiċi meta tapplika dawn il-kriterji ta’ evalwazzjoni. Il-Qorti Ġenerali, barra minn hekk, tagħmel eżami riġidu jekk il-forma li fiha t-trade mark hija użata għandhiex it-tliet elementi li tqis bħala distintivi. Skont dawn il-kriterji, il-Qorti Ġenerali tqis li t-trade mark kellha użu utli, billi naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni li ħafna elementi żdiedu fil-forma li fiha t-trade mark hija użata, u dan jipprojbixxi, skont l-appellanti, li jitqies is-sinjal użat u t-trade mark irreġistrata bħala “ġeneralment ekwivalenti”.
Full & Egal Universal Law Academy