18.1.2016
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 16/23
Appell ippreżentat fit-12 ta’ Novembru 2015 minn LG Electronics, Inc. mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (It-Tielet Awla) fid-9 ta’ Settembru 2015 fil-Kawża T-91/13, LG Electronics, Inc. vs Il-Kummissjoni Ewropea
(Kawża C-588/15 P)
(2016/C 016/29)
Lingwa tal-kawża: l-Ingliż
Partijiet
Appellanti: LG Electronics, Inc. (rappreżentanti: G. van Gerven, T. Franchoo, avukati)
Parti oħra fil-proċedura: Il-Kummissjoni Ewropea
Talbiet
—
tannulla s-sentenza appellata;
—
tannulla, fl-intier tagħhom jew parzjalment, l-Artikoli 1.1(d) u 1.2(g), l-Artikolu 2.1(d) u (e), u l-Artikolu 2.2(d) u (e) tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2012) 8839, tal-5 ta’ Diċembru 2012, sa fejn dawn jirrigwardaw lill-appellanti; u/jew
—
tnaqqas il-multi imposti fuq l-appellanti fl-Artikolu 2.1(d) u (e) u fl-Artikolu 2.2(d) u (e);
—
tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż tal-proċeduri fl-ewwel istanza u fl-appell.
Aggravji u argumenti prinċipali
L-appellanti tinvoka erba’ aggravji.
L-ewwel aggravju: il-Qorti Ġenerali kisret id-drittijiet tad-difiża tal-appellanti sa fejn hija kkonfermat id-deċiżjoni tal-Kummissjoni li LPD titħalla barra mill-proċeduri amministrattivi bħala konvenuta u, b’mod partikolari, li d-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet ma tiġix indirizzata lil LPD. Billi ċaħdet l-ilment ta’ LGE, il-Qorti Ġenerali kisret ukoll il-prinċipju ta’ proporzjonalità meta ddefinixxiet id-dmir ta’ diliġenza ta’ LGE.
It-tieni aggravju: il-Qorti Ġenerali kisret l-Artikolu 101 TFUE u l-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003 (1) sa fejn hija ddeċidiet li l-Kummissjoni setgħet tibbaża l-multa ta’ LGE fuq il-bejgħ dirett fiż-ŻEE permezz ta’ prodotti pproċessati magħmul minn LGE u Philips, li huma impriżi differenti minn LPD.
It-tielet aggravju: sussidjarjament, il-Qorti Ġenerali kisret l-Artikolu 101 TFUE u l-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003 kif ukoll il-prinċipju ta’ responsabbiltà personali sa fejn hija ddeċidiet li l-Kummissjoni setgħet tibbaża l-multa ta’ LGE fuq il-bejgħ dirett fiż-ŻEE permezz ta’ prodotti pproċessati magħmul minn Philips.
Ir-raba’ aggravju: il-Qorti Ġenerali kisret il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament sa fejn hija ddeċidiet li l-Kummissjoni setgħet tapplika l-metodoloġija ta’ bejgħ dirett fiż-ŻEE permezz ta’ prodotti pproċessati fil-konfront ta’ LGE, iżda mhux fil-konfront ta’ Samsung SDI.
(1) Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003, tas-16 Diċembru 2002, fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205).
Full & Egal Universal Law Academy