18.1.2016
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 16/24
Appell ippreżentat fit-13 ta’ Novembru 2015 minn Bionorica SE mid-digriet mogħti mill-Qorti Ġenerali (It-Tmien Awla) fis-16 ta’ Settembru 2015 fil-Kawża T-619/14, Bionorica SE vs Il-Kummissjoni Ewropea
(Kawża C-596/15 P)
(2016/C 016/30)
Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż
Partijiet
Appellanti: Bionorica SE (rappreżentanti: M. Weidner, T. Guttau, N. Hußmann, avukati)
Parti oħra fil-proċedura: Il-Kummissjoni Ewropea
Talbiet
—
torganizza seduta għas-sottomissjonijiet orali;
—
tannulla d-digriet tal-Qorti Ġenerali (It-Tmien Awla) tas-16 ta’ Settembru 2015 fil-Kawża T-619/14;
—
tikkundanna lill-Kummissjoni Ewropea għall-ispejjeż.
Aggravji u argumenti prinċipali
L-appellanti tinvoka żewġ aggravji insostenn tal-appell tagħha:
—
żbalji proċedurali: il-Qorti Ġenerali bbażat ruħha parzjalment fuq punti ta’ fatt żbaljati u b’hekk waslet għal deċiżjoni żbaljata, li tippreġudika lill-appellanti. Il-Qorti Ġenerali qieset, b’mod żbaljat, li l-appellanti kienet produttriċi ta’ prodotti tal-ikel u li, barra minn hekk, kienet ikkonċernata biss minn indikazzjonijiet dwar is-saħħa li għadhom pendenti fis-sens tar-Regolament (KE) Nru 1924/2006 (1). Ma’ dan jiżdied il-fatt li l-Qorti Ġenerali parzjalment immotivat b’mod insuffiċjenti d-deċiżjoni tagħha. Il-Qorti Ġenerali ma eżaminatx fid-dettall il-kontenut tal-ittra tal-Kummissjoni li allegatament itemm in-nuqqas li tittieħed azzjoni u b’hekk waslet għal deċiżjoni żbaljata.
—
ksur tad-dritt tal-Unjoni: il-Qorti Ġenerali rrifjutat b’mod żbaljat li tirrikonoxxi l-kundizzjonijiet tal-Artikolu 265 TFUE, peress li n-nuqqas li tittieħed azzjoni mill-Kummissjoni ma kienx intemm. Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali evalwat b’mod żbaljat ir-Regolament (KE) Nru 1924/2006, b’mod partikolari l-Artikoli 17 u 28 tiegħu. L-indikazzjonijiet dwar is-saħħa awtorizzati u dawk li għandhom pendenti ma jistgħux jitqiesu bħala ekwivalenti. Il-konsegwenzi legali li jirriżultaw mid-dispożizzjonijiet tranżitorji ma humiex suffiċjentement prevedibbli.
(1) Regolament (KE) Nru 1924/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-20 ta’ Diċembru 2006, dwar indikazzjonijiet dwar in-nutrizzjoni u s-saħħa mogħtija fuq l-ikel (ĠU L 404, p. 9).
Full & Egal Universal Law Academy