18.1.2016
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 16/25
Appell ippreżentat fit-13 ta’ Novembru 2015 minn Diapharm GmbH & Co. KG mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (It-Tmien Awla) fis-16 ta’ Settembru 2015 fil-Kawża T-620/14, Diapharm GmbH & Co. KG vs Il-Kummissjoni Ewropea
(Kawża C-597/15 P)
(2016/C 016/31)
Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż
Partijiet
Appellanti: Diapharm GmbH & Co. KG (rappreżentanti: M. Weidner, T. Guttau, N. Hußmann, avukati)
Parti oħra fil-proċedura: Il-Kummissjoni Ewropea
Talbiet
—
iżżomm seduta għas-sottomissjonijiet orali
—
tannulla d-digriet tal-Qorti Ġenerali (It-Tmien Awla) mogħti fis-16 ta’ Settembru 2015 fil-Kawża T-620/14
—
tikkundanna lill-Kummissjoni Ewropea għall-ispejjeż
Aggravji u argumenti prinċipali
L-appellanti tinvoka żewġ aggravji insostenn tal-appell tagħha:
—
żbalji proċedurali: il-Qorti Ġenerali mmotivat parzjalment b’mod insuffiċjenti d-deċiżjoni tagħha. Il-Qorti Ġenerali ma eżaminatx fid-dettall il-kontenut tal-ittra tal-Kummissjoni li allegatament ittemm in-nuqqas ta’ azzjoni u, b’hekk, waslet għal deċiżjoni żbaljata.
—
Ksur tad-dritt tal-Unjoni: il-Qorti Ġenerali żbaljat meta rrifjutat li tirrikonoxxi l-kundizzjonijiet tal-Artikolu 265 TFUE, ladarba n-nuqqas ta’ azzjoni tal-Kummissjoni ma kienx għadu ntemm. Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali evalwat b’mod żbaljat ir-Regolament (KE) Nru 1924/2006 (1), partikolarment l-Artikoli 17 u 28 tiegħu. L-istqarrijiet dwar is-saħħa awtorizzati u l-awtorizzazzjonijiet sospiżi ma jistgħux jitqiegħdu fl-istess livell. Il-konsegwenzi ġuridiċi li jirriżultaw mid-dispożizzjonijiet tranżitorji ma humiex suffiċjentement prevedibbli. Finalment, b’mod kuntrarju għal dak li l-Qorti Ġenerali tikkunsidra, ir-rikorrenti hija affettwata direttament u b’mod żvantaġġuż min-nuqqas ta’ azzjoni kontinwu tal-Kummissjoni.
(1) Regolament (KE) Nru 1924/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-20 ta’ Diċembru 2006, dwar indikazzjonijiet dwar in-nutrizzjoni u s-saħħa mogħtija fuq l-ikel (ĠU L 404, p. 9).
Full & Egal Universal Law Academy