1.2.2016
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 38/32
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Juzgado de Primera Instancia no 1de Jerez de la Frontera (Spanja) fis-16 ta’ Novembru 2015 – Banco Santander, S.A. vs Cristobalina Sánchez López
(Kawża C-598/15)
(2016/C 038/45)
Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol
Qorti tar-rinviju
Juzgado de Primera Instancia de Jerez de la Frontera
Partijiet fil-kawża prinċipali
Rikorrenti: Banco Santander, S.A.
Konvenut: Cristobalina Sánchez López
Domandi preliminari
1)
Leġiżlazzjoni nazzjonali li toħloq proċedura bħal dik fis-subparagrafu 7 tal-Artikolu 250 (1) tal-Ley de Enjuiciamento Civil (Liġi tal-Proċedura Ċivili), li, minn naħa, tobbliga l-qorti nazzjonali tagħti deċiżjoni li tagħti l-pussess tal-akkomodazzjoni ipotekata lill-persuna li tkun akkwistatu fil-kuntest ta’ proċedura ta’ eżekuzzjoni extraġudizzjarja u, min-naħa l-oħra, b’applikazzjoni tas-sistema fis-seħħ stabbilita fl-Artikolu 129 tal-Ley Hipotecaria (Liġi dwar l-Ipoteki), fil-formulazzjoni tagħha li tirriżulta mil-Ley 1/2000 tat-8 ta’ Jannar 2000, u fl-Artikoli 234 sa 236 tar-Reglamento Hipotecario (Regoli dwar l-Ipoteka), fil-formulazzjoni tiegħu li tirriżulta mir-Real Decreto 290/1992, ma tipprovdi la l-possibbiltà ta’ stħarriġ ġudizzjarju ex officio ta’ klawżoli inġusti, u lanqas il-possibbiltà għad-debitur li jinvoka b’mod effettiv l-eżistenza ta’ tali klawżoli sabiex jipprekludi t-twettiq tal-ipoteka, kemm jekk fil-kuntest tal-proċedura ta’ eżekuzzjoni extraġudizzjarja tal-ipoteka jew kemm fil-kuntest ta’ proċedura ġudizzjarja indipendenti, hija kuntrarja għad-dipożizzjonijiet tal-Artikoli 3(1) u (2), 6(1) u 7(1) tad-Direttiva 93/13/KEE (1) u għall-għanijiet tal-istess direttiva?
2)
Leġiżlazzjoni nazzjonali bħad-Disposición Transitoria Quinta de la Ley 1/2013 (Il-ħames dispożizzjoni tranżitorja tal-Liġi 1/2013), li tippermetti lin-nutar li jissospendi proċedura ta’ eżekuzzjoni extraġudizzjarja tal-ipoteka diġà mibdija fil-mument tad-dħul fis-seħħ tal-Ley 1/2013 biss jekk il-konsumatur jipprova li kien beda azzjoni dwar in-natura inġusta ta’ klawżola ta’ kuntratt ta’ self ipotekarju li jikkostitwixxi l-bażi tal-bejgħ extraġudizzjarju jew li jiddetermina l-ammont eżiġibbli fil-kuntest ta’ eżekuzzjoni tal-ipoteka, u bil-kundizzjoni li din l-azzjoni indipendenti tkun ittieħdet mill-konsumatur f’terminu ta’ xahar mill-pubblikazzjoni tal-Ley 1/2013, meta dan it-terminu ma ġiex innotifikat individwalment lill-konsumatur, u qabel ma n-nutar ikun għamel l-aġġudikazzjoni, hija kuntrarja għad-dispożizzjonijiet imsemmija iktar 'il fuq tad-direttiva u għall-għanijiet tal-istess direttiva?
3)
L-artikoli msemmija iktar 'il fuq tad-direttiva, l-għan tagħha u l-obbligu li hija timponi lill-qrati nazzjonali li jeżaminaw ex officio l-eżistenza ta’ klawżoli inġusti fil-kuntratti konklużi mal-konsumaturi, mingħajr ma huwa meħtieġ li l-konsumatur jitlob dan, għandhom jiġu interpretati fis-sens li jippermettu lill-qorti nazzjonali, fi proċeduri bħal dawk previsti fis-subparagrafu 7 tal-Artikolu 250(1) tal-Ley de Enjuiciamento civil jew fi-proċedura ta’ “bejgħ extraġudizzjarju” rregolata fl-Artikolu 129 tal-Ley Hipotecaria, li ma jiġix applikat id-dritt nazzjonali meta dan ma jippermettix dan l-istħarriġ ġudizzjarju ex officio, fid-dawl taċ-ċarezza tad-dispożizzjonijiet tad-direttiva u tal-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea dwar l-obbligu tal-qrati nazzjonali li jistħarrġu ex officio l-eżistenza ta’ klawżoli inġusti fil-kawżi dwar kuntratti konklużi mal-konsumaturi?
4)
Dispożizzjoni nazzjonali bħal dik fl-Artikolu 129 tal-Ley Hipotecaria, fil-formulazzjoni tagħha kif tirriżulta mil-Ley 1/2013, li, sabiex toffri lid-drittijiet tal-konsumaturi stabbiliti mid-direttiva protezzjoni effettiva fil-proċeduri extraġudizzjarji ta’ eżekuzzjoni ta’ ipoteka, tipprovdi biss sempliċi possibbiltà għan-nutar li jindika l-eżistenza ta’ klawżoli inġusti kif ukoll il-possibbiltà li l-konsumatur debitur suġġett għall-eżekuzzjoni extraġudizzjarja tal-ipoteka fuq il-proprjetà immobbli tiegħu jeżerċita azzjoni fil-kuntest ta’ proċedura extraġudizzjarja indipendenti qabel ma tiġi aġġudikata din il-proprjetà immobbli min-nutar, hija kuntrarja għad-dispożizzjonijiet imsemmija iktar 'il fuq tad-direttiva u għall-għanijiet tal-istess direttiva?
5)
Leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik li hija ddefinita fl-Artikolu 129 tal-Ley Hipotecaria, fil-formulazzjoni tagħha li tirriżulta mill-Ley 1/2003, u fl-Artikoli 234 sa 236 tar-Reglamento Hipotecario, fil-formulazzjoni tiegħu li tirriżulta mir-Real Decreto 290/1992, u li tistabbilixxi proċedura ta’ eżekuzzjoni extraġudizzjarja tal-garanzija ipotekarja ta’ kuntratti ta’ self konklużi bejn professjonisti u konsumaturi fejn ma teżisti l-ebda possibbiltà ta’ stħarriġ ġudizzjarju ex officio tal-klawżoli inġusti, hija kuntrarja għad-dispożizzjonijiet imsemmija iktar 'il fuq tad-direttiva u għall-għanijiet tal-istess direttiva?
(1) Direttiva tal-Kunsill 93/13, tal-5 ta’ April 1993, dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 15, Vol. 2, p. 288).
Full & Egal Universal Law Academy